Lokali

Il-proċeduri legali mressqa minn Justyne Caruana: l-Ispettur Josef Gauci b’kunflitt ta’ interess

Justyne Caruana, il-Ministru tal-Edukazzjoni, mill-ġdid fiċ-ċentru tal-aħbarijiet hekk kif fil-jiem li għaddew fetħet proċeduri legali fil-Qorti ta’ Għawdex fil-konfront ta’ Alison Apap, il-mara ta’ Daniel Bogdanovic li llum hu s-sieħeb tal-istess Justyne Caruana.

Imma mhux biss… Justyne Caruana fetħet ukoll proċeduri legali fil-Qorti ta’ Għawdex ukoll fil-konfront ta’ Valerie Apap, li tiġi oħt Alison Apap.

Alison Apap u Valerie Apap kienu akkużati mill-Pulizija li bejn Diċembru tal-2020 u April tal-2021, f’diversi postijiet f’Għawdex u/jew f’dawn il-gżejjer, b’diversi atti magħmula minnhom, kisru d-dispożizzjonijiet tal-liġi meta taw fastidju lil Justyne Caruana.

Dak li jispikka f’dan kollu hu kif l-istess Ministru Justyne Caruana, darba permezz tal-Pulizija ppreżentat dawn il-proċeduri li kellhom jibdew jinstemgħu nhar il-Ġimgħa li ġej quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, irtirat u belgħet kollox lura hekk kif ingħatat parir li bil-proċeduri legali li kienet fetħet, kienet fil-verità fetħet pandorax box fil-konfront tagħhha nnifisha.

Sorsi li lbieraħ tkellmu fit-tul ma’ In-Nazzjon qalulna li dan kollu juri bl-aktar mod ċar kemm Justyne Caruana ma hix moħħha fid-dekasteru fdat lilha kif ripetutament ippruvajna permezz ta’ rapporti oħrajn pubblikati f’dan il-ġurnal.

Li l-Ministru Justyne Caruana tiftaħ kwerela fil-Qorti ta’ Għawdex u mbagħad tirtiraha fiha nnifisha tgħid ħafna. Iżda dan il-ġurnal mar lil hinn minn hekk u fl-istħarriġ tiegħu issa jirriżulta li l-Ispettur li ressaq dan il-każ – l-Ispettur Josef Gauci – kellu kunflitti kbar ta’ interess fl-istħarriġ tiegħu dwar dak imressaq minnu minn Justyne Caruana.

Taħnt hu hekk li f’Għawdex kif hu sigriet magħruf li l-Ispettur Joseph Gauci u l-familja tiegħu jappoġġjaw bil-kbir lill-istess Ministru Justyne Caruana.

Kienet Justyne Caruana stess li, fost l-oħrajn, għażlet lil Steven Gauci, hu l-Ispettur Josef Gauci, biex ikun wieħed mill-aktar persuni qrib tagħha u jokkupa l-kariga ta’ Assistent Segretarju Privat fil-Ministeru.

X’wassal lill-Ispettur Josef Gauci biex jidħol b’ruħu u b’ġismu għal din l-investigazzjoni flok ma għadda – kif titlob kull korrettezza – il-każ lil xi Spettur ieħor?

In-Nazzjon għandu informazzjoni li saħansitra l-Ispettur Josef Gauci arrresta wkoll lill-aħwa Apap – jiġifieri lil Alison u lil Valerie – u dan wara talba tal-istess Justyne Caruana.

Nifhmu wkoll li kien ukoll hu li interrogahom fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat… u eventwalment ħareġ bl-akkużi serji li taw fastidju lil Justyne Caruana!

Nistgħu fil-fatt niżvelaw li b’kollox l-Ispettur Josef Gauci ħareġ xejn inqas minn għaxar akkużi fil-konfront tal-aħwa Alison u Valerie Apap

In-Nazzjon illum tista’ tiżvela kif waqt interrogazzjoni partikulari l-Ispettur Josef Gauci sa rċieva telefonata fuq iċ-ċellulari tiegħu u wieġeb: “Għidli Ministru”…. Konferma ċara li waqt l-interrogazzjoni ta’ Alison Apap, il-mara ta’ Daniel Bogdanovic, xi Ministru ċempel lill-Ispettur Gauci.

Nistgħu nissoktaw niżvelaw kif skont Superjuri tal-Ispettur Josef Gauci, mill-informazzjoni li kienet għaddiet il-Ministru Justyne Caruana kien jidher mill-aktar evidentili ma kienx hemm każ ta’ xi ksur tal-liġi mill-aħwa Apap… iżda l-Ispettur… għar-raġunijiet tiegħu… baqa’ għaddej u ħareġ lista twila ta’ akkużi iebsa u mill-aktar serji.

Żvilupp importanti f’dan il-każ seħħ lejn tmiem il-ġimgħa l-oħra hekk kif l-Avukat Arthur Azzopardi li qed jiddefendi lil Alison u lil Valerie Apap, kiteb lit-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija dwar dan il-każ u sussegwentement kien infurmat li l-Ispettur Josef Gauci tneħħa minn kull investigazzjoni relatata ma’ dan il-każ. Dan fih innifsu juri kemm l-Ispettur Josef Gauci kellu kunflitt ċara ta’ interessi u kieku kien għaqli ma kienx jaħraq il-karriera tiegħu b’dan il-mod!

Is-sorsi ta’ In-Nazzjon żiedu li minkejja dan kollu l-Ispettur Josef Gauci kien diġà laħaq arresta, interroga, ħa stqarrijiet u ħareġ l-akkużi gravi li ħareġ fil-konfront tal-aħwa Apap. Forsi l-iskop ta’ dan kollu kien ta’ intimidazzjoni? Jew biex iż-żewġ nisa jkunu mbeżża’?