Lokali Mużika

“Kull mara għandha tħossha kburija b’dak li hi” – Destiny

Wara li Malta ġiet kwalifikata għall-finali tal-Eurovision Song Contest li se ssir nhar is-Sibt li gej f’Rotterdam, il-kantanta maltija Destiny wieġbet għad-diversi domandi li għamlulha l-ġurnalisti internazzjonali f’konferenża stampa.

Fost l-ewwel kummenti tagħha, Destiny qamet bil-wieqfa biex tagħti deskrizzjoni tat-tifsira tal-kanzunetta  ‘Je Me Casse’, u sostniet li s-sinifikat wara l-kanzunetta tagħha ma japplikax għaliha biss, iżda għalija u għal kulħadd. Destiny semmiet li l-kanzunetta tagħha tenfasizza d-dinjita tal-mara u l-importanza li kull mara għandha tħossha kburija b’dak kollu li hi. 

Destiny semmiet ukoll lin-nannu tagħha li kien wieħed mill-aktar persuni li jinkoraġiha fix-xena mużikali.. u sostniet li fl-aħħar qatet ix-xewqa tiegħu u tagħha u ħadet sehem fil-Eurovision Song Contest bħala adulta. Hija perswasa li lill-għażiż nannuha li ma għadux magħna, irnexxielha tagħmlu kuntent u kburi biha.

Destiny dehret emożjonata ferm iżda fl-istess ħin determinata li tagħmel ġieħ lill-pajjiżna fill-finali tal-Eurovision ta’ nhar is-Sibt li ġej.