Internazzjonali

Lejn tentattiv biex tonqos it-tensjoni bejn l-Istati Uniti u r-Russja

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, dalwaqt għandhom jissieħbu f’taħditiet sinifikanti fi żmien ta’ tensjoni rari bejn l-Istati Uniti u r-Russja. Dan meta hemm possibbiltà ta’ summit, f’Ġunju, bejn il-President Amerikan Joe Biden u l-President Russu Vladimir Putin, bit-tama li jitjiebu xi ftit ir-relazzjonijiet bilaterali li spiċċaw fi kriżi akuta.

Il-laqgħa– li mistennija ssir wara l-kwinti ta’ laqgħa għal tmien Ministri għall-Affarijiet Barranin f’Reykjavik (fl-Iżlanda)  — qed tissemma bħala l-aktar waħda ta’ livell għoli mindu Biden ħa r-riedni ta’ pajjiżu.

Is-sitwazzjoni bejn Washington u Moska ggravat mindu Biden, ftit wara li laħaq President, irrefera għal Putin bħala ‘qattiel’ – u bir-riżultat li Moska rtirat l-ambaxxatur tagħha minn Washington għal konsultazzjonijiet. Dan l-ambaxxatur għadu ma rritornax fl-Istati Uniti.