Liverpool kisbu tliet punti prezzjużi f’Turf Moor għall-ispejjeż ta’ Burnley u issa l-eks Champions tal-Ingilterra għandhom ċans kbir li jikkwalifikaw għaċ-Champions League f’każ ta’ rebħa fuq Crystal Palace fl-aħħar logħba tal-kampjonat li se tintlagħab f’Anfield nhar il-Ħadd. Sadanittant – u waqt li Manchester City, bħala ċ-Champions il-ġodda tal-Premier League u Manchester United, li huma konfermati bħala runners-up – huma ċerti mill-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni għall-ogħla unur tal-futbol Ewropew, il-ġlieda għat-tielet u r-raba’ postijiet se tibqa’ missielta sal-aħħar minuta tal-istaġun – b’xi ħadd minn Liverpool, Chelsea jew Leicester iridu jibqgħu l-art u jikkuntentaw b’post fl-Europa League.
Fl-istess ħin, id-differenza ta’ gowls tista’ tkun deċiżiva f’każ li Liverpool jtemmu l-impenji tal-league fuq l-istess punteġġ bħal Leicester.Intant, Liverpool marru fil-vantaġġ fit-43 minuta meta Roberto FIRMINO għeleb lil Norris (li kien qed jagħmel l-ewwel dehra tal-istaġun fil-lasta ta’ Burnley) b’xutt li għadda minn taħt il-gowlkiper. Fit-tieni taqsima, Burnley kellhom xi azzjonijiet perikolużi iżda Liverpool għalqu l-logħba meta Andy Robertson għadda ballun fil-kaxxa għal Nat PHILLIPS li rdoppja bir-ras għat-2-0. Fl-aħħar tal-logħba, ir-Reds żiedu l-vantapp minn Alex OXLADE-CHAMBERLAIN fuq suġġeriment ieħor ta’ Robertson.
Il-programm tal-bieraħ – l-istess bħall-partiti tal-Premier League tat-Tlieta – intlagħab quddiem numru speċifikat ta’ partitarji u kien ikkalkulat li ‘il fuq minn 40,000 (bħala medja) assistew għas-sitt konfronti.
Intant, Arsenal kisbu rebħa tajba, 3-1, barra minn darhom ma’ Crystal Palace, bil-gowls deċiżivi tal-Gunners jaslu fil-ħames minuti li ngħataw bħala ħin miżjud lejn l-aħħar tat-tieni taqsima . Din il-logħba f’Selhurst Park kellha wkoll simboliżmu speċjali peress li kienet l-aħħar konfront ‘home’ għal Roy Hodgson, il-manager ta’ Palace li se jirtira mil-logħba fl-aħħar tal-istaġun, fl-età ta’ 73 sena. Arsenal daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ skurjat minn PEPE wara 35 minuta iżda Christian BENTEKE kiseb il-parità momentarju b’diving header fit-62 minuta. Madankollu, il-Gunners aċċertaw mill-punti meta s-sostitut Gabriel MARTINELLI (91) skorja mill-viċin fuq l-assist ta’ Odegaard u b’Pepe jagħmilhom tlieta, sekondi qabel it-tisfira finali.
West Ham United għelbu lil West Bromwich Albion ( tim ieħor relegat) f’The Hawthorns bl-iskor ta’ 3-1 u fejn kellhom jirkupraw minn żvantaġġ bikri wara li Matheus PEREIRA poġġa lill-Baggies fil-vantaġġ fis-27 minuta. Intant, dan il-gowl wasal wara li Declan Rice kien falla penalty għal West Ham wara biss tliet minuti. Il-gowl tad-dro għall-Hammers kellu l-firma ta’ Tomas SOUCEK u wasal fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, b’West Ham ikollhom jistennew sa tmien minuti mit-tmiem għat-tieni wieħed meta Angelo OGBONNA sab ix-xibka fuq l-assist ta’ Cresswell. Fl-88 minuta, Michael ANTONIO skorja t-tielet u l-aħħar gowl għall-Hammers li b’din ir-rebħa kkonsolidaw posthom fis-sitt post tal-Premier League.
Ilbieraħ Chelsea v Leicester 2-1, Brighton v Man City 3-2, Man Utd v Fulham 1-1
Southampton v Leeds 0-2 Illum Everton v Wolves 1-0, Newcastle v Sheff Utd 1-0, Tottenham v Aston Villa 1-2
Crystal Palace v Arsenal 1-3, Burnley v Liverpool 0-3, West Brom v West Ham 1-3