Lokali Qorti

Mhux ħatja ta’ tlajjar għal skop ta’ prostituzzjoni

Mara ta’ 49 sena mill-Imqabba ġiet illiberata mill-Qorti tal-Appell fuq akkużi ta’ tlajjar għal skop ta’ prosituzzjoni fil-Marsa, wara li l-Qorti tal-Maġistrati fi Frar li għadda kienet ikkundannata għal 40 jum ħabs wara li kienet sabitha ħatja li wettqet dan ir-reat fil-Marsa f’Ottubru tal-2019.

Il-Qorti qalet fid-dawl tal-provi prodotti, l-Prosekuzzjoni ma irnexxilhiex tipprova ghas-sodisfazzjon tal- Qorti li l-mara verament kienet qed titlajja u wisq inqas li kien hemm xi skop ta’ prostituzzjoni. Is-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti ma kienitx waħda ‘safe u satisfactory ‘u għalhekk irrevokat is-sentenza appellata u lliberat lil mara minn kull akkuża u piena.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera spjegat għaliex waslet għal din id-deċiżjoni fejn qalet li skont il-Prosekuzzjoni l-mara ġiet osservata fi Triq il Ħażna fit-2 ta Ottubru 2019 bejn it-8.15p.m u id-9.00p.m. u li kienet fil-post biex tħajjar persuni jużaw is-servizzi tagħha.

Mix-xhieda prodotta mill-prosekuzzjoni ma użawx il-kelma “osservaw” (liema kelma tindika ċertu trapass ta’ żmien) iżda il-kelma ‘innutaw’ lil mara, u dan ifisser li rawha f’okażjoni waħda, jiġifieri f’mument minnhom. Fil-fehma ta’ dawn l-uffiċjali tal-pulizija din il-persuna kienet qed titlajja u tħajjar għal skop ta’ prosekuzzjoni, pero l-Qorti qalet li kif waslu ghal dan r-raġunament il-prosekuzzjoni ma spjegat xejn.

La li waqfet lil xi ħadd, la jgħidu li rawha tiela’ u nieżla fl-istess parti tat-triq, la jgħidu li kienet qed iddejjaq li-nies, jgħidu biss li fil-fehma tagħhom kienet qed titlajja fi triq pubblika. Il-Qorti qalet li l-kelma ‘titlajja’ tista’ tingħata interpretazzjoni soġġettiva u għalhekk kien jeħtieġ lix-xhieda tal-proskeuzzjoni jgħidu x’jifhmu bil-kelma ‘tlajjar’. Il-pulizja jgħidu li avviċinawha u talbuha biex titlaq’. Pero jekk telqitx jew le ma jgħidux.

L-ufficcjali li xehdu ma indikawx l-ilbies tagħha u għalhekk dan il-fattur żgur mhux wieħed li jista jiġi attribwit bħala fattur favur l-proskeuzzjoni għal prova tar-reat. U meta jsemmu li waqfu żewġ persuni oħra ta sess femminili jgħidu li dawn kienu libsin ilbies provokanti, iżda fuq l-akkużata ma qalu xejn.

Il-Qorti qalet li l-akkużata ma għandha tipprova xejn dwar l-innoċenza tagħha – hija l-Prosekuzzjoni li trid tipprova l-ħtija tagħha. Il-Prosekuzzjoni trid tipprova l-każ tagħha ta’ mingħajr dubju dettat mir-raġuni. Għalhekk ma ġiex ippruvat il-każ tagħha ta’ ħtija u ghalhekk l-iQorti, kif għamlet, qalet li hija obbligata li tillibera.  

Ingħad ukoll li għaldaqstant kemm jekk l-komportament ikun bil-mixi jew kemm jekk ikun b’karozza, dan hu irrelevanti basta li l-klijenti prospettivi jiġu attirati. L-intenzjoni tal-leġislatur meta ppromulga ‘Street Offences’ Act 1959 li fuqha hija disinjata l-liġi Maltija kienet li teqred l-prostituti mit-toroq u postijiet pubbliċi, meta dawn qed jikkrejaw dwejjaq bl-eżerċizzju tas-sengħa taghhom.

Il-kelma ‘tlajjar’ jew kif inhi aktar magħrufa bl-Ingliż ‘soliciting’ tfisser mhux biss diskors iżda anke movimenti tal-wiċċ u ħisem bħal per eżempju tbissima jew xi indikazzjoni li tindika invit ghal prostituzzjoni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Robert Vella filwaqt li għal mara deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.