Futbol Sport

Sami Khedira jirtira mill-futbol wara karriera ta’ aktar minn 15-il sena

(Ritratt: Sami Khedira)

Il-midfielder Ġermaniż ta’ 34 sena Sami Khedira ħabbar li se jkun qed jirtira mill-futbol fl-aħħar ta’ dan l-istaġun wara karriera ta’ aktar minn ħmistax-il sena fl-għola livell tal-futbol internazzjonali.

Khedira kellu diversi suċċessi fil-karriera tiegħu, bil-qofol tal-esperjenza tiegħu mat-tim internazzjonali Ġermaziż tasal fl-2014 meta rebaħ it-Tazza tad-Dinja. Fuq livell ta’ clubs Khedira beda l-karriera tiegħu ma’ Stuttgart fil-Ġermanja qabel issieħeb ma’ Real Madrid fl-2010.

Minkejja d-diversi titli li kiseb ma’ Real Madrid u wara ma’ Juventus fl-Italja, Khedira kellu diversi injuries li ħallew barra mill-logħba tal-futbol għal ħafna żmien. Khedira, fl-aħħar tal-karriera tiegħu kien qed jilgħab fil-Ġermanja ma’ Hertha Berlin fejn irnexxielu jilgħab biss tmien logħbiet fl-aħħar staġun tiegħu bħala plejer tal-futbol.