Lokali Qorti

Sentenza ta’ 30 xahar ħabs fuq serq mibdula għall-probation għax miexi fit-triq it-tajba

Raġel ta’ 41 sena minn Santa Venera kellu s-sentenza tiegħu ta’ 30 xahar ħabs fuq serq mibdula fi probation wara li l-Qorti tal-Appell qieset diversi fatturi fosthom li qed jagħmel progress f’ħajtu wara li din kienet waħda problematika għall-aħħar. Keith Pace kemm il-darba kiser dufrejh mal-ġustizzja, u dan anke biex jissodisfa l-kilba tiegħu li kellu għad-droga. Illum iżda huwa raġel mibdul u l-progress li għamel wasslu wkoll biex jagħmel xogħol utli fil-kommunità.

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qieset diversi fatturi biex tagħat ċans ieħor lil Pace. Hija ħadet nota tal-fatt li Matthew Fleri Soler, uffiċċjal tal-probabtion xehed li bħalissa Pace għaddej mill-iżjed perjodu ta’ ħajja stabbli.

Tenna li kien ilu jarah mis-sena 2011 u li issa kien irreġistra progress. Qal li qed jagħmel ħafna xogħol fil-komunità kif ordnat b’diversi sentenzi tal-Qorti u li jżomm kuntatt regolari miegħu. Ikkonferma li mit-13 ta Novembru 2013 sal-lum ra kambjament kbir fih u li qed jirreġistra ‘steady progress’ u li bena struttura ta stabbilità f’hajtu .

Fit-13 ta’ Novembru, 2019 beda isegwi prgramm ta’ rijabilitazzjoni ma l-Aġenzija Oasi minħabba li huwa kellu l-vizzju tad-droga kokaina. Dan il-programm għenu hafna tant li illum qed jgħix ħajja għan-normal. Mistoqsi jekk il-programm lestihx, l-uffiċjal qal le, pero kien għadu qed isegwih.

Qal li l-kuntatt miegħu huwa regolari ħafna. Kull ġimghatejn jew tlieta iħalli kampjuni tal-urina u dawn dejem taw riżultat negattiv għad-droga. Qal li fil- kuntatt miegħu ta’ kull ġimgħa, iċempillu u jagħmlu sessjonijiet bit-telefon billi jagħtih ‘update’ ta dak li qed jagħmel f’ħajtu u minn xhiex ikun għaddej.

Spjega li għandu partner f’ħajtu u din hija ta’ sapport kontinwu għalih. Mistoqsi jekk ilhomx f’din ir-relazzjoni jgħid li kienu ‘on and off’. Pero wara is-sena 2019 din ir-relazzjonni stabilliet ruħa. Qal li Pace illum għandu ċertu stabilità f’ħajtu.

Għandu rutina fil-ġurnata billi qed jaħdem fil-komunita u għandu ħafna sieghat x’jagħmel Fil-fatt riesaq lejn l-aħħar ta’ l-ewwel sentenza fil-kommunità li kienet ta’ 480 siegħa. B’dan ried ifisser li bejn il-programm, bejn il-perjodu ta’ ħabs meta kien taħt l-effett tas-sustanzi, u li damu ftit biex jirrankaw, madankollu fil-preżent għaddej tajjeb ħafna rigward ix-xogħol fil-kommunità.

Il-Kappillan tal-Parocca tal-Kalkara, Brian Gialanze ukoll xehed fil-Qorti u kkonferma li Pace qed jagħmel xogħol ta kommunità miegħu, u dan ta’ sikwit, konsistenti fil-manutenzjoni tal-knisja. Dan ix-xogħol beda jagħmlu f’Ġunju tal-2020 u saħaq li lilu ma kienx jafu qabel. Spjega li jitkellem miegħu hafna u li qed jaħdem fuqu innifsu biex ibiddel ħajtu u jidher ‘very committed’.

Keith Pace li fil-passat wettaq reati simili biex jissodisfa l-vizzju tad-droga ammetta li wettaq serqa minn dar f’Raħal Ġdid fl-14 ta’ Awwissu tal-2018. Il-valur tas-serqa kien jaqbeż l-€2,333. Huwa ammetta wkoll reat ta’ attentat ta’ serq minn dar oħra f’Santa Venera fit-23 ta’ Settembru ta’ sentejn ilu, liema serqa ma seħħitx minħabba xi ħaġa aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tiegħu.

Il-Qorti poġġietu taħt ordni ta’ Probation għall-perjodu ta’ tliet snin u matul dan il-perjodu għandu jġib ruħ tajjeb, jgħaddi ħajja ta’ bżulija u joqgħod għad-direttivi kollha tal-Probation Officer, inkluż kull direttivi li l-Probation Officer jħoss li jkunu neċessarji sabiex ma jiffrekwentax ċertu postijiet u ċerti nies.

Huwa ġie ordnat ukoll li jibqa’ jżomm kuntatt kontinwu mal-istess Probation Officer, li  jkompli jindirizza l-problema akuta li kellu ta droga, li jkompli jagħti kampjun tal-urina għall-gharrieda u kull meta jiġi ordnat mill-Ufficcjal tal-Probabtion.

Fil-każ li jkun hemm riżultat wieħed biss pożittiv għall-preżenza tas-sustanza illeċita, dan il-fattur waħdu għandu ukoll jiġi kunsidrat li jammonta għall-ksur tal-Ordni tal-Probation. Pace ġie ordnat ukoll jikkumpensa lill-vittma tas-serqa, is-somma ta’ €2,000 fi żmien tliet snin. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja ta’ din l-ordni tingħata lil Pace u lid-Direttur inkarigat mill-Uffiċju tal-Probation Services. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras, Shawn Pawney u Wayne Camilleri.