L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fi New York qal li qed jinvestiga l-Organizzazzjoni ta’ Donald Trump – l-eks President Amerikan – f’’kapaċità kriminali.’ Dan waqt li l-Prosekutur Ewlieni fl-Istat ta’ New York ikkonfermat li l-inkjesta dwar il-kumpanija tal-proprjetà ta’ Trump ‘mgħadhiex qed titmexxa fuq livell purament ċivili’.
L-Avukat Ġenerali Letitia James kienet ilha tevalwa l-attivitajiet finanzjarji ta’ Trump minn qabel l-elezzjoni tiegħu bħala President tal-Istati Uniti, f’Novembru tal-2016.
Sadanittant, il-familja ta’ Trump qed tiċħad li kisret il-liġi u qed tixli lil James – membru tal-Partit Demokratiku – b’li qed tmexxi vendetta politika kontra l-eks President Repubblikan.
Il-kelliema għall-Avukat Ġenerali fi New York ma semmewx ir-raġuni għalfejn l-investigazzjoni nbidlet minn waħda ċivili għal waħda kriminali. Huma lanqas ma qalu jekk Donald Trump jistax jispiċċa implikat personalment fl-allegazzjonijiet partikulari.
Il-każi ċivili, is-soltu, huma relatati għal sitwazzjonijiet fejn isofru danni l-individwi inkella n-negozji speċifiċi. Intant, il-liġi kriminali tapplika għal każi fejn hu maħsub li d-danni jkunu saru għall-iskaptu tas-soċjetà ġenerali, li tinkludi l-Istat.
.
//= $special ?>