Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħti sehmu biex jara li pajjiżna jilħaq il-miri u jkompli jimxi ‘l quddiem. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, meta kien qed imexxi delegazzjoni tal-Partit, f’laqgħa mal-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Elena Grech.
Matul il-laqgħa kienu diskussi l-prijoritajiet tal-Kummissjoni dwar Malta u sehem pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej. Dan, partikolarment, anke wara l-isfidi li qed niffaċċjaw kawża tal-pandemija tal-Covid-19.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mhux se jieqaf jaħdem qabel ma jara li l-Gvern jippreżenta pjan li jagħmel sens ħalli nfittxu nirkupraw mid-daqqa ekonomika li ntlaqatna minnha.
Matul il-laqgħa, hu rrefera għall-impenn taż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista – Roberta Metsola u David Casa – biex Malta u Għawdex ikomplu jgawdu bis-sħiħ mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tagħha, Elena Grech fakkret kif l-Unjoni Ewropea hi dik l-għaqda ta’ pajjiżi li żammet il-paċi u għamlet avvanzi li qatt ma konna nimmaġinaw li kieku ma twelditx din l-Unjoni.
Dan anke fil-kuntest tal-messaġġ li l-istituzzjonijiet Ewropej għaddew għal Jum l-Ewropa, li kien iċċelebrat ftit tal-jiem ilu.
Matul il-laqgħa f’Dar l-Ewropa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-Deputati Carm Mifsud Bonnici u Kevin Cutajar, kif ukoll mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Graziella Galea.
//= $special ?>