Internazzjonali

Covid-19: Possibbiltà li r-Renju Unit jinsab qrib mewġa oħra tal-coronavirus

Il-Professur Andrew Hayward, membru prominenti tas-SAGE advisory group, wissa li r-Renju Unit jista’ qed javviċina l-bidu ta’ mewġa oħra tal-coronavirus fi żmien meta fetħu mill-ġdid l-avvenimenti pubbliċi fuq skala limitata.

Il-grupp SAGE (Scientific Advisory Group for Emergencies ) jipprovdi l-pariri xjentifiċi u tekniċi lill-Gvern matul emerġenzi tas-saħħa u Hayward qal li l-virus – fil-forma attwali – kapaċi jiċċirkula b’mod mill-aktar effettiv. Intant, il-professur ‘ma jarax għalfejn il-virus (fil-forma ta’ varjanti)  mgħandux ikompli jinfirex lejn partiiet oħra tar-Renju Unit.’

L-infezzjonijiet bil-Covid kienu l-akbar kaġun tal-imwiet fl-Ingilterra u Wales għal kull xahar, minn Novembru sa Frar, bl-imwiet, wara, jibdew ibattu sew minn ġimgħa għall-oħra. Intant, xi nuqqasijiet fis-sistema nazzjonali ta’ Test and Trace kienu parzjalment responsabbli għall-ispinta fil-każi tal-varjant Indjan tal-virus fil-belt ta’ Blackburn. Mifhum li problema teknika żammet lill-kunsill tal-belt milli jidentifika l-każi tal-varjant għal talanqas tliet ġimgħat.

Sadanittant, is-Segretarju Britanniku għat-Trasport, Grant Shapps, qal li l-ajruporti tal-pajjiż, mix-xahar id-dieħel, jistgħu jaddottaw sistema ta’ segregazzjoni għall-passiġġieri li jaslu fir-Renju Unit mill-pajjiżi li jiffurmaw parti minn ‘lista ħamra (pajjiżi bl-akbar probabbiltà li jifirxu l-Covid)’.

Fl-Irlanda ta’ Fuq, in-nies bejn il-25 u 29 sena minn issa huma eliġibbli għat-tilqima kontra l-Covid – bil-persuni ta’ ‘il fuq minn 34 sena fl-Ingilterra jistgħu wkoll jingħataw it-tilqima. Intant, l-ivvjaġġar ‘il barra mill-Irlanda ta’ Fuq mistenni jieħu spinta ġdida mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.