Lokali

“Għandhom jittieħdu deċiżjonijiet għall-ġid ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

Bernard Grech saħaq li Robert Abela jrid jinħall mill- irbit li għandu u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex il-livell tal-politika ta’ pajjiżna jerġa’ jitla’ ħalli jerġa’ jkollna r-rispett li pajjiżna verament jixraqlu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech stqarr dan meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies fuq Facebook … waqt l-inizjattiva “Nitkellmu Flimkien”.

Hu stqarr li mhux ta’ ġid li jkollok Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li għandu allegazzjonijiet serji u għalhekk hu aħjar – għall-ġid ta’ pajjiżna u għal kulħadd – li l-Ministru jissospendi ruħu jew ikun sospiż sakemm tiġi konkluża din l-investigazzjoni.

Mistoqsi dwar il-Kummissarju tal-Pulizija, Bernard Grech qal li għandu fiduċja f’Angelo Gafa’, iżda dejjem jistenna aktar ħidma ħalli nimxu lejn il-ġustizzja minkejja li jaf ikun hemm persuni li jipprovaw itellfu l-ħidma.

Dwar il-propjetà, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jindirizza l-problema fejn ikollok diversi individwi li ma jkunux jistgħu jixtru l-ewwel propjetà tagħhom minħabba problemi finanzjarji. Kompla li għandu jkun hemm incentivi biex wieħed ikun jista’ jixtri jew jikri, inkella forsi jkun hemm xi inċentivi mal-banek.

Dwar l-annimali, Bernard Grech qal li rridu naraw li l-liġijiet jiġu nfurzati sew u jittieħdu l-passi kontra kull individwu li jabbuża mill-annimali. Irridu nitkellmu fuq id-drittijiet tal-annimali u wkoll nippriservawhom, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.