EURO 2020 Futbol Sport

Id-Direttur tal-UEFA, Giorgio Marchetti b’intervista esklussiva għall-magażin speċjali tal-Euro 2020 ta’ ‘Il-Mument’

Giorgio Marchetti

Giorgio Marchetti hu wieħed mill-uċuħ l-aktar magħrufa minn fost l-uffiċjali tal-UEFA, partikolarment għaliex fl-aħħar snin rajniħ dejjem ikun preżenti kull darba li kien hemm it-tlugħ tal-poloz tal-UEFA Champions League u Ewropa League. F’Awwissu li għadda, hu kien wieħed mill-għola uffiċjali tal-UEFA li kienu preżenti flimkien mal-President tal-istess federazzjoni, Alexsander Ceferin għall-presentazzjoni tat-trofew tal-UEFA Champions League, lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni, Bayern Munich. Wiċċ Marchetti llum sar popolari mad-dilettanti tal-futbol internazzjonali, iżda min hu Marchetti? X’inhu l-irwol tiegħu u x’responsabiltajiet għandu fil-UEFA?

Giorgio Marchetti flimkien mal-President tal-UEFA, Alexsander Ceferin

Dawn id-domandi u ħafna aktar, huma fost in-numru ta’ domandi li l-amministrattur Taljan fil-futbol u ta’ suċċess, se jkun qed iwieġeb f’intervista esklussiva li Marchetti ta għall-ħarġa speċjali tal-magażin esklussiv dwar il-Euro 2020, li se jkun qed jitqassam b’xejn mal-gazzetta ‘Il-Mument’ ta’ nhar il-Ħadd, 6 ta’ Ġunju. Marchetti hu wieħed mid-deputati segretarji ġenerali tal-UEFA, iżda ukoll hu d-Direttur tal-UEFA għall-organiżazzjoni tal-kompetizzjonijiet kollha tagħha, inkluz il-Euro 2020. F’dawn l-aħħar 15-il xahar, minn meta l-pandemija tal-COVID-19 bdiet tħalli l-effetti tagħha fuq il-futbol fl-Ewropa, x’aktarx li Marchetti kien wieħed mill-aktar persuni fil-kurituri tal-UEFA li beda’ jħoss it-toqol tal-inċertezza u tas-sitwazzjoni konfuża li dan il-virus ħoloq fuq il-futbol madwar l-Ewropa, tant li l-Euro 2020 kellu jkun pospost b’sena.

Wieħed mill-aktar persuni b’involviment fl-organiżżazzjoni tal-Euro 2020, Giorgio Marchetti tkellem esklussivament mal-media Maltija permezz ta’ intervista ma’ Christian Micallef, li se tkun parti mill-kontenut rikk u riċerkat li qed jiġi ppreparat apposta fil-pubblikazzjoni tal-magażin speċjali li se jitqassam mal-gazzetta ‘Il-Mument’ ta’ nhar il-Ħadd, 6 ta’ Ġunju li ġej.

Bħala d-Direttur tal-UEFA għall-kompetizzjonijiet organizzati minha, kemm fuq livell ta’ klabbs kif ukoll ta’ timijiet nazzjonali, Marchetti kellu l-akbar responsabiltá biex jassigura li jkun hemm l-anqas skossi possibli fl-iskedar tal-partiti tal-kompetizzjonijiet kollha, iżda mhux biss. Ir-rwol ta’ Marchetti, li għandu 61 sena u esperjenza vasta fl-amministrazzjoni tal-futbol fl-Ewropa, jirrikjedi li jkollu responsabiltá f’kull dettall tal-ippjanar u t-tfassil tal-kompetizzjonijiet li torganiżża l-UEFA. Għaldaqstant Marchetti hu wieħed mill-aktar, jekk mhux l-aktar, persuna involuta fl-organiżżazzjioni tal-Euro 2020.

Marchetti tkellem esklussivament mal-media Maltija, permezz ta’ intervista ma’ Christian Micallef, il-Kap tat-Taqsima Sport f’Net Media, u l-editur tal-magażin speċjali tal-Euro 2020 li se jkun qed jiġi ppubblikat nhar il-Ħadd, 6 ta’ Ġunju mal-gażżetta ‘Il-Mument’. Dan il-magażin se jkollu kontenut rikk ħafna, b’artikli riċerkati u tal-għola livell, u li kollha kemm huma se jinkitbu bil-Malti. L-intervista esklussiva ma’ Marchetti hu wieħed mill-ħafna artikli interessanti iżda fuq kollox esklussivi li dan il-magażin speċjali se jkun qed jippubblika f’din il-ħarġa speċjali speċifikament għal din l-edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej.