Lokali Qorti

Il-Maġistrat Mifsud jastjeni mill-każ tas-Serb mixli bil-qtil ta’ Eġizzjan: Il-ġbir tal-provi għat-28 ta’ Mejju

Il-Maġistrat Joe Mifsud astjena mill-każ ta’ Aleksandar Stojanovic, is-Serb ta’ 42 sena, mixli li f’Għawdex qatel lill-Eġizzjan Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed ta’ 43 sena. Huwa astjena peress li kienu hu li għalaq l-inkjesta u ppreseda l-aħħar żviluppi tagħha nkluż xhieda ġuramentata u deċiżjonijiet oħra marbuta ma’ esperti.

Issa huwa mifhum li l-każ se jinstema’ fil-Qorti ta’ Għawdex nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Mejju quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Il-qtil kien seħħ f’Jannar tal-2018, bis-Serb jitressaq il-Qorti t’Għawdex nhar l-Erbgħa li għaddew filgħaxija quddiem il-Maġistrat Simone Grech. Is-Serb qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni mistennija jixhdu l-investigaturi fil-każ li jispjegaw kif waslu biex identifikaw lil Stojanovic bħala l-allegat eżekutur tad-delitt fejn fost l-ewwel xhieda mistennija tiġi minn naħa tal-Prosekuzzjoni u uffiċjali oħra tal-Pulizija li jispjegaw kif waslu għall-arrest tas-Serb.

Il-katavru ta’ Mohammed kien instab fil-15 ta’ Jannar ta’ tliet snin ilu, għall-ħabta tat-7.40 a.m. fl-inħawi ta’ Triq San Dimitri, fl-Għarb. Huwa kien instab mixħut fl-art wiċċu ‘l fuq b’żewġ tiri ta’ senter, wieħed fuq in-naħa tax-xellug ta’ għonqu u tir ieħor fin-nofs ta’ sidru. Żewġ skrataċċ li allegatament intużaw fil-jum tad-delitt kienu nstabu wkoll qrib Mohammed.

Mill-istħarriġ li għamlu l-Pulizija u wara li analizzaw diversi filmati tas-CCTV u l-aħħar movimenti tal-Eġizzjan, li rriżulta li kien ipparkja l-karozza tiegħu fi Triq ir-Repubblika, fir-Rabat Għawdex, il-Pulizija identifikat il-karozza li kien rikeb fiha l-vittma ftit tal-ħin qabel ma nstab maqtul.

F’Settembru tal-2018, il-pulizija sabet din il-karozza f’Malta, li kienet fil-pussess ta’ terzi persuni, u aktar stħarriġ wassal biex ikun identifikat l-allegat aggressur tal-omiċidju. Waqt is-seduta, l-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni għall-ifriżar tal-assi filwaqt li Stojanovic inżamm arrestat wara li d-difiża ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb qed jidhru għall-Eġizzjan. L-avukat Arthur Azzopardi qed jidher f’isem il-familjari tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni mill-avukati Etienne Savona u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li minn naħa tal-Pulizija qed imexxu s-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Bernard Charles Spiteri.