Lokali

Il-Pulizija se jibdew jiġbdu filmati mill-perspettiva tagħhom

Il-Pulizija issa jistgħu jibdew jiġbdu filmati mill-perspettiva tagħhom biex dawn jinżammu u jkunu jistgħu jintużaw bħala prova f’sitwazzjonijiet ta’ sfida.

Fil-fatt, huma se jkolhom assenjata kamera minn 500 bodycam, li jilbsu matul il-qadi ta’ dmirijiethom, bl-għan li jżidu l-kontabbiltà u biex ikun hemm tnaqqis fir-rapporti kontra l-membri tal-Korp.

NET News tkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa, li spjega aktar dwar l-importanza ta’ dawn il-kameras.

Is-sistemà tal-kameras se tkun kontinwament qed tirrekordja żewġ minuti b’żewġ minuti, bl-aħħar żewġ minuti biss se jinżammu fis-sistema. Dan filwaqt li l-Pulizija se jkunu mħeġġa biex kull darba li jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ persuna, jattivaw il-kamera anke jekk ma jkunx hemm ħsieb ħażin. Il-kamera tinxtegħel ukoll weħidha hekk kif tħoss li l-Pulizija kellu joħroġ l-arma tan-nar.

Dan filwaqt li l-ebda Pulizija mhu se jkollu l-aċċess għall-filmati li jinġibdu ħlief l-Uffiċjali tal-Investigazzjoni. Din is-sistemà hi l-ewwel tat-tip tagħha kemm f’pajjiżna u anke f’pajjiżi Ewropej.