Lokali

Jirnexxilu jilgħab il-futbol għall-ewwel darba ma’ sħabu

L-ewwel pass biex il-ħolma ta' Andrew issir realtà... li jipparteċipa fil-Paralympics

Andrew Bonnet, tifel ta’ tmien snin, ma ħallix is-siġġu tar-roti li juża’ milli jwaqqfu biex igawdi l-ġurnata ta’ attivitajiet sportivi fl-iskola tiegħu, San Andrea flimkien ma’ sħabu. Fil-fatt, hu kellu l-opportunità li jipparteċipa għall-ewwel darba.

Dan ma setgħax ikun possibli mingħajr l-appoġġ ta’ numru ta’ għalliema u LSEs li għalmuh u tawh is-sapport biex jirnexxilu jilgħab il-futbol waqt li juża’ s-siġġu tar-roti, fost sport ieħor. U ma jistax jonqos lil sħabu tal-klassi li kienu hemm biex jgħinuh ikun parti minn din il-ġurnata li ħafna tfal ikunu eċitati għaliha.

It-tifel twieled bil-kundizzjonijiet ta’ spina bifida u scoliosis li jikkawżaw li s-sinsla tad-dahar ma tiżviluppax sew qabel it-twelid. Dan b’riżultat li wieħed kważi ma jkollux sensazzjoni mill-qadd ‘l isfel tant li hi ferm diffiċli li jimxi bħal kull persuna oħra.

Madanakollu, il-ħaddiema u l-istudenti kollha fl-iskola tiegħu mill-ewwel ġurnata bdew ituh is-sapport biex jagħmel l-istess attivitajiet bħal kull tifel u tifla oħra.