Lokali Qorti

Koppja mixlija b’ħasil ta’ flus fuq Mercedes ‘mhux kompatibbli mad-dħul tagħhom’

Koppja żagħżugħa li ma taħdimx tressqet il-Qorti biex twieġeb għall-akkużi dwar ħasil ta’ flus wara li l-prosekuturi allegatament innutaw li kellhom Mercedes użata li ma kinitx kompatibbli mad-dħul tagħhom. L-akkuża tiġi wara sensiela ta’ prosekuzzjonijiet strambi fejn f’każijiet separati, biċċier, parrukkier u għalliem tas-sewqan tal-karozzi tressqu quddiem il-Qorti b’akkużi simili.

Quddiem il-maġistrat Monica Vella, assistiti minn avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Ispetturi tal-Pulizija Paul John Farrugia u Robert Azzopardi akkużaw lil Justin Farrugia u Marlene Dimech b’reati ta’ ħasil ta’ flus. Farrugia kien jinsab qiegħed għax għadu kemm jgħaddi bord filwaqt li t-tfajla tiegħu hija tqila u għandha tifel żgħir, semgħet il-qorti.

L-Avukat Arthur Azzopardi qal lill-Qorti li r-raġel xtara l-Mercedes permezz ta’ ftehim ta’ xiri bin-nifs u esprima l-iskantament tiegħu għalfejn il-koppja kienu qed jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus. Farrugia li għandu każ pendenti dwar droga wieġeb mhux ħati għall-akkużi maħruġa kontrih.

Huwa ma ngħatax il-libertà proviżorja bit-tfajla tiegħu ta’ 24 sena twieġeb ukoll mhux ħatja u ġiet meħlusa taħt pleġġ taħt ebda depożitu u kontra garanzija personali ta’ €4000. Il-mara kienet irrappreżentata mill-avukat Alexander Scerri Herrera, is-sieħeb tagħha kien irrappreżentat mill-avukati Roberto Spiteri u Christian Camilleri. L-Avukat Arthur Azzopardi assista ukoll lil Farrugia.