Lokali Qorti

Mixli bi traffikar ta’ nofs kilo kannabis li wasal bil-posta

Sid ta’ ħanut minn Ħ’Attard inżamm taħt arrest preventiv wara li mar jiġbor pakkett li kien fih nofs kilogramma ta’ ħaxixa tal-kannabis minn uffiċċju tal-posta. L-Ispetturi Steven Ryan Micallef u Marshall Mallia qalu dan lill-maġistrat Monica Vella fil-konfront tal-akkużat, Jason Micallef ta’ 23 sena minn Ħ’Attard.

Ħareġ li l-pulizija kienu interċettaw il-pakkett, li kien indirizzat lil xi ħadd ieħor u li solvew il-każ wara li wettqu konsenja kkontrollata (controlled delivery). Micallef ġie arrestat hekk kif ħa pussess tal-pakkett, li l-pulizija qalet li kien fih 500 gramma ħaxixa tal-kannabis.

Huwa ġie akkużat li importa d-droga, ittraffikaha, pusses aggravat u li kiser diversi ordnijiet tal-qorti. Fil-fatt, fil-qorti ħareġ li Micallef allegatament kiser il-kundizzjonijiet ta’ erba’ digrieti ta ’pleġġ u żewġ sentenzi sospiżi. Huwa wieġeb mhux ħati. L-avukat tiegħu, Franco Debono, talab il-libertà proviżorja, billi argumenta li l-evidenza kienet diġà nżammet fl-inkjesta u li għalhekk ma jistax ikun hemm tbagħbis tal-provi.

Il-qorti, madankollu, ċaħdet it-talba, u ordnat lil Micallef jinżamm arrestat. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb kienu avukati difensuri.