Lokali

Prim Ministru li jibqa’ ma jiddeċidix dwar Carmelo Abela

Minkejja li għandu Ministru li qed ikun interrogat mill-Pulizija, il-Prim Ministru Robert Abela qed jiddeċiedi li ma jiddeċidix …. għax mhux komdu jissospendi lil Carmelo Abela mill-Kabinett sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet marbuta mal-attentat ta’ serqa fuq il-bank HSBC fl-2010.

Robert Abela nnifsu kkonferma dan meta mistoqsi – għal diversi drabi minn diversi ġurnalisti – matul konferenza tal-aħbarijiet jekk hux se jkun qed jieħu deċiżjoni fil-konfront tal-Ministru Carmelo Abela u postu fil-Kabinett.

Iżda minflok ma jiddeċiedi, il-Prim Ministru qed jagħżel li jattakka kontinwament lill-Partit Nazzjonalista.

Iżda l-attakk tal-Prim Ministru – minflok ma jiddeċiedi dwar il-Kabinett li jmexxi hu stess – jistona għax, fil-verità, il-Partit Nazzjonalista m’għandu x’jaqsam xejn mal-fatt li anqas minn 24 siegħa biss qabel, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien qed jiġi interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Fl-aħħar jiem, kien żvelat kif il-Pulizija għaddejjin bl-investigazzjonijijet tagħhom dwar l-attentat ta’ serqa fil-kwartieri ġenerali tal-Bank HSBC, 11-il sena ilu, fejn kienu sparati 14-il tir fil-konfront tal-Pulizija.

In-nuqqas ta’ deċiżjoni minn Robert Abela qed isib il-kritika ta’ ħafna, filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiteb fuq Facebook li l-ballun jinsab f’saqajn il-Prim Ministru biex jieħu azzjoni immedjata.