Żewġt ibniet li jgħixu f’istitut f’Santa Venera ingħataw sentenza sospiża talli serqu il-ħelu mir-residenza fejn qed jalloġġaw Iż-żewġ tfajliet ta’ 14 u 16-il sena, ngħataw sentenza ta’ ħabs sospiża u ordni ta’ probation wara li ammettew għall-akkużi ta’ serq ta’ ħelu mill-‘vending machines’ li hemm fid-dar tal-kura fejn huma joqogħdu.
It-tfajliet tressqu quddiem il-Maġistrat Monica Vella fuq akkużi ta’ serq aggravat u ħsara kriminali. Waħda mit-tfajliet ġiet akkużata wkoll li kisret ordni ta ’probation. Huma ġew akkużati li wettqu dan ir-reat fil-25 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet u fit-18 ta’ Mejju li għadda, fejn mill-magni ttieħed il-ħelu.
Akkumpanjati minn ħaddiema soċjali, it-tfajliet ikkonsultaw mal-avukat tal-għajnuna legali Mark Mifsud Cutajar qabel ma bdiet is-seduta. Il-qorti imponiet projbizzjoni fuq il-midja fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet taż-żewġ akkużati. It-tfajliet ammettew l-akkużi kontrihom u skużaw ruħhom għal għemilhom.
“L-istat kien qed jagħtikhom l-opportunità li tibnu ħajjitkom, tarmuhiex,” qalet il-qorti. Il-Maġistrat qalet li kienet qed tagħtihom ċans ieħor u li tittama li ma jerġgħux jispiċċaw il-Qorti u jonqsu milli jitgħallmu lezzjoni. “Il-Liġi hija ħanina magħkom hekk kif għadkom żgħar. Jekk dawn l-affarijiet se jiżdiedu qegħdin tersqu eqreb lejn il-ħabs. Għandkom għażla,” żiedet twissihom il-Maġistrat.
Iż-żewġ tfajliet ingħataw sentenzi ta’ sentejn ħabs, sospiżi għal 4 snin, flimkien ma’ ordnijiet ta’ probation ta’ tliet snin. “Ibdew ibnu l-futur tagħkom u terġgħux tiġu hawn. Nispera li ma nerġax narakhom hawn,”qalet il-qorti. L-Ispettur Roderick Attard mexxa l-Prosekzzjoni.
//= $special ?>