Il-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti – li hi kontrollata mid-Demokratiċi – ivvutat biex issir investigazzjoni dwar l-irvellijiet qattiela ta’ Jannar fil-Capitol ta’ Washington li jipprovdi s-sede leġislattiva tal-Gvern federali.
Il-vot favur l-investigazzjoni kienet ukoll possibbli bl-appoġġ ta’ 35 Repubblikan tal-kamra li sfidaw lill-kapijiet tal-partit tagħhom – kif ukoll lill-eks President Amerikan Donald Trump.
Ir-Repubblikani ‘ribelli’ huma determinati li ssir inkjesta li tiżvela d-dettalji kollha tal-irvellijiet tas-6 ta’ Jannar meta l-partitarji fanatiċi ta’ Trump assedjaw il-Kungress ta’ Washington f’attentat biex jevitaw il-konferma tar-rebħa tad-Demokratiku Joe Biden fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
Il-vot tal-aħħar sigħat ma niżel tajjeb xejn ma’ Donald Trump u s-sostenituri tiegħu, meta l-eks President Amerikan kien wissa lir-Repubblikani ‘biex ma jaqgħux fin-nassa tad-Demokratiċi’. Il-vot fl-Kamra tar-Rappreżentanti kien meqjus ukoll bħala ‘vot ta’ lealta’ fir-rigward ta’ Trump fost ir-Repubblikani.
Uħud mir-Repubblikani li vvutaw favur l-investigazzjoni qalu li l-vot tagħhom ‘kien qed jitratta l-fatti u mhux il-politika partiġġjana’, iżda Repubblikani oħra qed jinkwietaw li ‘id-Demokratiċi se jużaw din il-kummissjoni biex jipprovaw jitfgħu lill-Partit Repubblikan f’lenti ħażina’.
Intant, il-kummissjoni li għandha tieħu ħsieb l-inkjesta se tkun magħmulha minn għaxar membri – ħames Repubblikani u ħames Demokatiċi – li sal-aħħar tas-sena jridu joħorġu r-rakkmandazzjonijiet dwar kif l-awtoritajiet għandhom jevitaw ‘ripetizzjoni tal-invażjoni tal-Capitol’.
Madankollu, hemm probabbiltà kbira li l-abbozz ma jgħaddix mis-Senat – jew il-Kamra ta’ Fuq tal-Kungress Amerikan – minħabba li r-regoli jirrikjedu l-appoġġ ta’ għaxar membri Repubblikani (minbarra l-vot tal-membri Demokratiċi tas-Senat) biex jgħaddi.
John Thune, il-viċi-kap repubblikan fis-Senat, intant, esprima l-inkwiet tiegħu li l-inkjesta ‘tintuża bħala arma politika’ fix-xhur li ġejjin. Dan meta Donald Trump għadu sallum jinsisti bl-allegazzjonijiet infondati li ‘id-Demokratiċi serqulu l-elezzjoni ta’ Novembru’ – liema teorija wasslet biex mijiet ta’ sostenituri tiegħu jassedjaw il-qalba tal-Gvern f’Washington, fis-6 ta’ Jannar, bir-riżultat li mietu ħames persuni.
//= $special ?>