Coronavirus Ekonomija Lokali

Terġa’ toħroġ l-iskema tal-vouchers li kien propona l-Partit Nazzjonalista

Mit-Tnejn, 7 ta’ Ġunju, se jibdew jissarfu l-vouchers li għandhom jagħtu nifs lin-negozji Maltin u Għawdxin. Iżda bis-sistema li se jkun qed juża’ l-Gvern, diversi persuni se jkunu qed jiġu ddiskriminati għax se jirċevuhom ħafna wara ħaddieħor u wara d-data li fiha se jibdew jiġu aċċettati.

Dan hekk kif – kif spjega l-Ministru Silvio Schembri – min m’għandux smartphone jew ma jafx jużah żgur li mhux se jkun qed jirċievi l-vouchers sa dik id-data.

Il-Ministru qal li l-ewwel se jkunu dawk li jużaw l-ismartphone li se jkunu jistgħu jniżżlu l-vouchers b’mod elettroniku, sal-4 ta’ Ġunju. U minn dakinhar, jibda l-proċess biex, min ma jkunx niżżel il-vouchers b’mod elettroniku, jirċevihom bil-posta.

Din is-sistema li se juża’ l-Gvern mistennija tkun ta’ inkonvenjent u tiddiskrimina konrta ll-anzjani, li wħud minnhom m’għandhomx jew ma jafux jużaw smartphone.

F’April tas-sena li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista kien ippropona li kull persuna ta’ aktar minn 16-il sena tirċievi l-vouchers biex tingħata spinta lin-negozji fil-gżejjer tagħna. U minkejja li dakinhar, il-Partit Laburista kien ipprova jwaqqa’ din il-proposta għaż-żufjett, ftit tal-ġimgħat biss wara ħabbar li kienu se jitqassmu l-vouchers.

F’dan ir-round ta’ vouchers, kull persuna Maltija jew bil-Permess ta’ Residenza f’pajjiżna se tkun qed tirċievi €100 – €60 mqassmin f’vouchers ta’ €15 kull wieħed biex jintefqu f’ristoranti, barijiet u akkomodazzjoni turistika fost l-oħrajn … filwaqt li erba’ vouchers ta’ €10 kull wieħed se jkunu jintużaw fi stabbilimenti ta’ retail.

Dawk l-istabbilimenti li fl-aħħar xhur kellhom jissospendu l-operat tagħhom minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija se jibqgħu ntitolati biex jiggwadanjaw mill-vouchers … li se jkunu validi sal-15 ta’ Settembru.

Sadanittant, matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar xhur, il-qgħad f’pajjiżna ma żdiedx. Dan minkejja li statistika wara l-oħra ppubblikata mill-NSO uriet kif – sfortunatament – din il-pjaga għolliet rasha, fost problemi li affettwaw lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.