Spanja qed taħseb biex tneħħi uffiċjalment ir-restrizzjonijiet għan-nies li jivvjaġġaw mir-Renju Unit – b’din id-direttiva għandha tidħol fis-seħħ mit-Tnejn.
Il-Gvern Spanjol qal li r-Renju Unit u l-Ġappun se jkunu fuq lista ta’ pajjiżi li r-residenti tagħhom mhumiex se jkunu affettwati mir-restrizzjonijiet effettivi għall-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, in-nies (partikularment it-turisti) li jivvjaġġaw minn dawn il-pajjiżi lejn Spanja mhumiex se jeħtieġu test tal-PCR.
Madankollu, ir-Renju Unit – li jinsab attent għall-iżvilupp tal-varjanti f’numru ta’ bliet bħal Bolton u Blackburn – għadu jwissi kontra l-ivvjaġġar li mhux neċessarju lejn Spanja u pajjiżi oħrajn tal-UE. Fil-fatt, it-turisti Britanniċi li jivvjaġġaw lejn Spanja jkunu jridu jqattgħu żmien fi kwarantina ladarba jirritornaw pajjiżhom.
L-Unjoni Ewropea, fil-preżent, qed tiddeċiedi dwar ‘lista bajda’ ta’ pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jistgħu jidħlu fl-artijiet tal-UE mingħajr xkiel.
S’issa hemm biss seba’ pajjiżi ( minn barra l-UE) fuq il-lista u li għandhom rati baxxi ħafna ta’ infezzjonijiet bil-Covid. Il-pajjiżi huma l-Awstralja, Iżrael, New Zealand, ir-Rwanda, Singapore, il-Korea t’Isfel u t-Tajlandja. Id-deċiżjoni finali tal-UE għat-tkabbir tal-lista tal-pajjiżi inkwistjoni, sadanittant, mistennija għal ġimgħatejn oħra.
Il-Portugall diġà miftuħ għat-turiżmu
Il-Portugall, għalissa, hu d-destinazzjoni ewlenija fuq il-lista ‘il-ħadra’ tar-Renju Unit għall-pajjiżi dikjarati bħala ħielsa mill-kriterji ta’ kwarantina.
Il-Portugall u daqstant ieħor Spanja jiddependu ħafna mit-turiżmu mir-Renju Unit għax-xhur tas-sajf – u bil-Portugall ilu kważi ġimgħa qed jilqa’ mill-ġdid it-turisti mill-Ingilterra, l-Iskozja u Wales.
Intant, Spanja, mis-7 ta’ Ġunju, se tibda ddaħħal lin-nies mill-pajjiżi mhumiex imsieħba fl-UE u li ngħataw it-tilqima kontra l-Covid. Dawn in-nies għandhom jinkludu ċittadini mill-Istati Uniti, b’dan il-pass jikkonfermah il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez.
Il-Prim Ministru Sanchez qal li t-tneħħija tal-kontrolli għandha tippermetti biex it-turiżmu lejn Spanja matul is-sajf jilħaq sa 40 fil-mija tal-livelli reġistrati fl-2019.
L-Unjoni Ewropea deċidiet li l-viżitaturi mill-pajjiżi barra l-Ewropa għandhom ikunu permessi minn dawk l-Istati fejn l-inċidenza tal-virus hi reġistrata bħala anqas minn 75 każ għal kull 100,000 persuna.
Għaldaqstant, it-turisti mir-Renju Unit jibqgħu eliġibbli biex jivvjaġġaw lejn l-Istati-membri tal-UE taħt dawn il-kundizzjonijiet – u minkejja t-tħassib kontinwu dwar il-varjant Indjan tal-Covid-19 li qed jiċċirkola f’numru ta’ bliet Britanniċi.
//= $special ?>