Lokali

Dwar Carmelo Abela – Jitfgħu kollox taħt it-tapit

Minkejja li għandu Ministru li qed ikun interrogat mill-Pulizija, il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jiddeċiedi li ma jiddeċidix. Kollox qed jindika illi mhux komdu jissospendi lil Carmelo Abela mill-Kabinett sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet marbuta mal-attentat ta’ serqa fuq il-bank HSBC fl-2010.

Il-Ġimgħa saqsejna lill-Ministru Michael Farrugia għaliex Carmelo Abela għadu jagħmel parti mill-Kabinett, bil-Ministru tal-Anzjani jirrepeti t-tweġiba li ta’ jum qabel li kien ta l-Prim Ministru.

“M’għandix xi nżid aktar ma’ dak li qal il-PM u naqbel miegħu”

Għal aktar domandi ta’ Net News il-Ministru Farrugia kompla jdoqq l-istess diska, u qabeż għal sieħbu fil-Kabinett.

“Ilbieraħ dik ir-risposta wieġeb għaliha il-PM, hemm ħafna xogħol li hemm ċertu partiti f’pajjiżna għandhom għalxiex jirrispondu”

“S’issa ma jidhirx li hemm xi ħaġa li tinkrimina lill-kollega tiegħi, dak li qal il-PM jien naqbel miegħu”

Fl-aħħar jiem, kien żvelat kif il-Pulizija għaddejjin bl-investigazzjonijijet tagħhom dwar l-attentat ta’ serqa fuq il-kwartieri ġenerali tal-Bank HSBC, 11-il sena ilu, fejn kienu sparati 14-il tir fil-konfront tal-Pulizija. In-nuqqas ta’ deċiżjoni minn Robert Abela qed tiġbed il-kritika ta’ ħafna hekk kif il-Prim Ministru ta’ pajjiżna qed jagħżel li jħalli dan il-kapitlu miftuħ beraħ.