Lokali

Il-Ministru Farrugia għadu jrid jevalwa x’fih ir-rapport tal-kuntratt ta’ San Vinċenz

“Għadha għaddejja l-evelwazzjoni….” hekk wieġeb il-Ministru tal-anzjani Michael Farrugia għad-domandi tal-ġurnalisti dwar ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali li ċanfar il-kuntratt ta’ San Vincenz de Paul – kuntratt ta’ miljuni illi ġie deskritt bħala wieħed illegali.

“Bħalissa għaddejja dik l-evalwazzjoni u mhux se nitkellem aktar fuq dan ir-rapport”

Fil-bidu ta’ Mejju, Robert Abela kien tefa’ r-responsabbiltà tal-evalwazzjoni ta’ dan ir-Rapport fuq il-Ministru tal-Anzjani b’Michael Farrugia kemm-il darba insista li dan il-kuntratt ta’ miljuni kien “value for money”.

“Fit-totalità tiegħu, huwa ġustifikat u it is a value for money”

Il-kuntratt – li sewa 274 miljun ewro – lanqas biss kien tela’ fil-Kabinett… b’numru ta’ membri tal-Gvern jikkonfermaw dan jew ma jwieġbux id-domandi.

Filwaqt li l-Gvern qal li kiseb awtorizzazzjoni minħabba raġunijiet ta’ urġenza estrema, l-Awditur Ġenerali kien sab li ma jeżistux raġunijiet bħal dawn, u li l-ftehim kellu jinfetaħ għall-kompetizzjoni esterna. Minkejja il-miljuni ta’ flus involuti, il-Kabinett ma kienx mitlub japprova dan il-ftehim.