Wara li ppreżentat proċeduri fil-Qorti kontra Alison Apap, il-mara tas-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic, u oħtha Valerie Apap, il-Ministru Justyne Caruana lbieraħ naqset milli tidher quddiem il-Qorti biex issostni l-allegazzjonijiet tagħha.
Ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, il-Qorti ta’ Għawdex semgħet lill-Prosekuzzjoni tgħid li mxiet fuq l-allegazzjonijiet tal-Ministru Justyne Caruana biex ħarġet l-akkużi tagħha u issa m’għandha xejn aktar x’iżżid magħhom.
Min-naħa tagħha d-Difiża tal-aħwa Apap qalet li quddiem dawn iċ-ċirkostanzi, hi m’għandha xejn x’iżżid anki għall-fatt li l-istess Ministru Justyne Caruana kienet waqqet il-proċeduri li kienet fetħet quddiem il-Qorti ta’ Għawdex dwar allegat ta’ fastidju jew harressment minn Alison Apap u Valerie Apap.
Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju l-Maġistrat Joseph Mifsud għalaq is-smigħ u ta’ sentenza li fiha illibera lill-aħwa Apap, jiġifieri lil Alison Apap li kienet il-mara ta’ Daniel Bogdanovic u lil Valerie Apap, oħtha, minn kull akkuża.
Fil-bidu tas-Seduta tal-lum l-Ispettur Bernard Spiteri spjega lill-Qorti li meta l-Pulizija kienet ħarġet l-akkużi fil-konfront tal-aħwa Apap – allura dakinhar l-Ispettur kien Joseph Gauci li għandu ħuh jaħdem fis-Segretarjat tal-Ministru Justyne Caruana – il-Pulizija mxiet biss fuq l-allegazzjonijiet li kienet għamel il-Ministru Justyne Caruana.
Mistoqsi jekk il-Pulizija għamlitx xi investigazzjonijiet lil hinn minn dawn l-allegazzjonijiet, l-Ispettur Bernard Spiteri wieġeb li le… il-Pulizija qagħdet fuq dak li kien intqalilhom mill-Ministru Justyne Caruana.
Hawnhekk l-Avukat Difensur Arthur Azzopardi qal li min-naħa tagħha d-Difiża kienet se twaqqa’ talba biex il-Maġistrat Joseph Mifsud jirrikuża lilu nnifsu milli jisma’ dan il-każ.
Invista li ż-żewġ naħat ma kellhomx aktar provi xi jressqu, il-Maġistrat Joseph Mifsud fis-sentenza tiegħu ddeċieda li l-aħwa Apap huma liberi minn kull akkuża għaliex il-Qorti ma sabet l-ebda ħtija fil-konfront tagħhom.
B’hekk fil-Qorti ta’ Għawdex ingħalaq kapitlu ieħor fis-sensiela ta’ deċiżjonijiet żbaljati meħuda fl-aħħar xhur mill-Ministru Justyne Caruana li fil-jiem li għaddew fetħet proċeduri legali fil-Qorti ta’ Għawdex fil-konfront ta’ Alison Apap, il-mara ta’ Daniel Bogdanovic li llum hu s-sieħeb tal-istess Justyne Caruana.
Imma mhux biss… Justyne Caruana fetħet ukoll proċeduri legali fil-Qorti ta’ Għawdex ukoll fil-konfront ta’ Valerie Apap, li tiġi oħt Alison Apap.
Alison Apap u Valerie Apap kienu akkużati mill-Pulizija li bejn Diċembru tal-2020 u April tal-2021, f’diversi postijiet f’Għawdex u/jew f’dawn il-gżejjer, b’diversi atti magħmula minnhom, kisru d-dispożizzjonijiet tal-liġi meta taw fastidju lil Justyne Caruana.
Dak li jispikka f’dan kollu hu kif l-istess Ministru Justyne Caruana, darba permezz tal-Pulizija ppreżentat dawn il-proċeduri, fil-jiem li għaddew spiċċat irtirat u belgħet kollox lura hekk kif ingħatat parir li bil-proċeduri legali li kienet fetħet, kienet fil-verità fetħet pandorax box fil-konfront tagħhha nnifisha.
Sorsi li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li dan kollu juri bl-aktar mod ċar kemm Justyne Caruana ma hix moħħha fid-dekasteru fdat lilha kif ripetutament ippruvajna permezz ta’ rapporti oħrajn pubblikati f’dan il-ġurnal.
Li l-Ministru Justyne Caruana tiftaħ kwerela fil-Qorti ta’ Għawdex u mbagħad tirtiraha fiha nnifisha tgħid ħafna. Barra minhekk dan il-ġurnal mar lil hinn minn hekk u fl-istħarriġ tiegħu irriżulta li l-Ispettur li ressaq dan il-każ – l-Ispettur Josef Gauci – għandu kunflitti kbar ta’ interess fl-istħarriġ tiegħu dwar dak imressaq minnu minn Justyne Caruana.
Tant hu hekk li f’Għawdex hu sigriet magħruf li l-Ispettur Joseph Gauci u l-familja tiegħu jappoġġjaw bil-kbir lill-istess Ministru Justyne Caruana.
Kienet Justyne Caruana stess li, fost l-oħrajn, għażlet lil Steven Gauci, hu l-Ispettur Josef Gauci, biex ikun wieħed mill-aktar persuni qrib tagħha u jokkupa l-kariga ta’ Assistent Segretarju Privat fil-Ministeru.
X’wassal lill-Ispettur Josef Gauci biex jidħol b’ruħu u b’ġismu għal din l-investigazzjoni flok ma għadda – kif titlob kull korrettezza – il-każ lil xi Spettur ieħor?
In-Nazzjon diġà żvela li saħansitra l-Ispettur Josef Gauci arrresta wkoll lill-aħwa Apap – jiġifieri lil Alison u lil Valerie – u dan wara talba tal-istess Justyne Caruana.
Nifhmu wkoll li kien ukoll hu li interrogahom fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat… u eventwalment ħareġ bl-akkużi serji li taw fastidju lil Justyne Caruana!
Żvelajna wkoll li b’kollox l-Ispettur Josef Gauci ħareġ xejn inqas minn għaxar akkużi fil-konfront tal-aħwa Alison u Valerie Apap
In-Nazzjon żvela wkoll kif waqt interrogazzjoni partikulari l-Ispettur Josef Gauci sa rċieva telefonata fuq iċ-ċellulari tiegħu u wieġeb: “Għidli Ministru”…. Konferma ċara li waqt l-interrogazzjoni ta’ Alison Apap, il-mara ta’ Daniel Bogdanovic, xi Ministru ċempel lill-Ispettur Gauci.
In-Nazzjon żvela wkoll kif skont Superjuri tal-Ispettur Josef Gauci, mill-informazzjoni li kienet għaddiet il-Ministru Justyne Caruana kien jidher mill-aktar evidentili ma kienx hemm każ ta’ xi ksur tal-liġi mill-aħwa Apap… iżda l-Ispettur… għar-raġunijiet tiegħu… baqa’ għaddej u ħareġ lista twila ta’ akkużi iebsa u mill-aktar serji.
Żvilupp importanti f’dan il-każ seħħ lejn tmiem il-ġimgħa l-oħra hekk kif l-Avukat Arthur Azzopardi li qed jiddefendi lil Alison u lil Valerie Apap, kiteb lit-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija dwar dan il-każ u sussegwentement kien infurmat li l-Ispettur Josef Gauci tneħħa minn kull investigazzjoni relatata ma’ dan il-każ. Dan fih innifsu juri kemm l-Ispettur Josef Gauci kellu kunflitt ċara ta’ interessi u kieku kien għaqli ma kienx jaħraq il-karriera tiegħu b’dan il-mod!
Is-sorsi ta’ In-Nazzjon żiedu li minkejja dan kollu l-Ispettur Josef Gauci kien diġà laħaq arresta, interroga, ħa stqarrijiet u ħareġ l-akkużi gravi li ħareġ fil-konfront tal-aħwa Apap. Forsi l-iskop ta’ dan kollu kien ta’ intimidazzjoni? Jew biex iż-żewġ nisa jkunu mbeżża’?
In-Nazzjon fil-jiem li ġejjin se jkompli jsegwi mill-qrib dan il-każ serju ta’ abbuż ta’ poter u se jwasslilkom aktar dettalji importanti li juru kemm hu dubjuż ħafna li kien hemm xi tip ta’ fastidju jew harressment mill-aħwa Apap u dan kollu fil-verità jista’ jwassal biex jittieħdu passi fil-konfront ta’ min abbuża mill-pożizzjoni tiegħu jew tagħha!
Isem Justyne Caruana qiegħed kontinwament jiddomina l-aħbarijiet hekk kif isimha qiegħed ikun marbut ma’ abbużi ta’ poteri, fosthom l-abbużi żvelati minn dan il-ġurnal li lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic sabitlu impjieg bi dħul ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro fis-Segretarjat tal-Edukazzjoni.
Mhux biss, iżda kien dan il-ġurnal ukoll meta ftit tal-ġimgħat ilu żvela kif il-Ministru Justyne Caruana kienet tat kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar lil Daniel Bogdanovic biex jagħmel rapport kif l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tkun tista’ tattira lejha lil dawk it-tfal li għandhom xi talent partikulari f’xi dixxiplina sportiva… u dan meta dan Daniel Bogdanovic m’għandu l-ebda kwalifiki jew kredenzjali biex jagħmel dan.
Aktar reċenti l-Awditur Ġenerali ta ħasla lill-Ministru Justyne Caruana dwar kuntratti mogħtija f’San Vinċenz de Paule fi żmien meta l-istess Justyne Caruana kienet il-Ministru responsabbli mill-anzjani.
Fir-rapport tiegħu l-Avukat Ġenerali jisħaq kemm dak li ġara hu juri kontinwità ta’ politika ta’ ħabi, li twassal għal ħtif ta’ flus il-poplu b’mod qarrieqi.
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali wera kif għal kuntratt li kellu jiswa kwazi €3 miljuni, il-poplu spiċċa ħallas aktar minn €13-il miljun, jiġifieri mal-€10 miljun aktar. Ir-rapport wera wkoll kif il-Gvern ippubblika sejħa li fiha talab ‘investiment addizzjonali mingħajr spiża għal Gvern’, iżda li fl-aħħar dak ir-rigal li suppost kellu jkun mingħajr spiża spiċċa jiswa aktar minn €273 miljun!
Bir-raġun kollu li għal bosta dan kien ifisser biss li dak l-investiment addizzjonali b’xejn lill-Gvern kien mezz kif tqarraq. Qerq li fih ipparteċipaw membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela. Qerq li lill-poplu qed jiswih aktar minn €273 miljun u qerq li skont l-istess rapport aktarx kien miftiehem minn qabel.
Sa nhar il-Ħadd stess Justyne Caruana kienet mill-ġdid fl-aħbarijiet hekk kif fil-gazzetta il-mument kien żvelat li
ma baqgħetx tattendi għal-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari għal Għawdex u fil-fatt ma attendietx għall-ebda waħda mill-aħħar ħames laqgħat ta’ dan il-Kumitat Parlamentari għal Għawdex li fihom kienu diskussi temi importanti.