“Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, ninsabu fiduċjużi li anke jekk din is-sena s-sessjoni plenarja ssir b’mod virtwali, dan ma jnaqqas xejn mix-xogħol li jista’ joħroġ minnha”. Dan qalu l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati meta indirizza lil dawk preżenti għat-tnedija tad-19-il edizzjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia żied li minkejja l-iżviluppi teknoloġiċi qed jippermettu li jibqgħu jinżammu dawn il-laqgħat, jemmen li lkoll tal-fehma li m’hemm xejn isbaħ milli n-nies jiltaqgħu fiżikament biex id-djalogu jkun tassew ħaj.
Filwaqt li awgura li s-sessjoni plenarja ta’ din is-sena tkun ta’ suċċess kif dejjem tkun, l-Ispeaker fakkar li l-Vot 16 u d-dikjarazzjoni mill-Parlament dwar l-emerġenza fil-klima, żewġ ideat li kienu tressqu miż-żgħażagħ, kienu għaddew mill-Parlament. Qal li dan juri l-viżjoni u d-determinazzjoni taż-żgħażagħ u għandu jkun ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar ilkoll biex tassew juru li huma mhux il-futur imma l-preżent ta’ pajjiżna.
Il-konferenza kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima u mid-Deputat Whip u Kelliem għall-Gvern Lokali, il-Wirt Nazzjonali u ż-Żgħażagħ Karl Gouder.
Il-kelliem għall-Oppożizzjoni Karl Gouder qal li ż-żgħażagħ mhux biss huma l-futur ta pajjiżna iżda l-preżent u ħafna drabi ċerti suġġetti li jiġu diskussi waqt il-Parlament taż-Żgħażagħ ftit wara jsibu lilhom infushom fuq l-aġenda nazzjonali. Hu spjega li kemm Vot 16 u l-emerġenza tal-bidla fil-klima saru parti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali wara diskussjoni fil-Parlament taż-Żgħażagħ. Hu awgura liżżgħażagħ li għal darba oħra jkollhom diskussjoni tajba u wiegħed l-appoġġ tal-Oppożizzjoni għal kull suġġett diskuss.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima awgura liż-żgħażagħ għall-edizzjoni ta’ din is-sena u qal li l-Parlament taż-Żgħażagħ huwa għodda importanti għalihom. “Il-fatt li għandek iż-żgħażagħ li baqgħu għaddejjin bil-proċeduri sabiex jassiguraw li pajjiżna jkollu din l-għodda li tagħti ċ-ċans liżżgħażagħ jesprimu l-ideat tagħhom, ideat li huma importanti, bħala politiku żgur se nkun qed inressaq biex tingħata l-importanza li tant tistħoqqilhom.”
//= $special ?>