Għadd ta’ negozji Maltin jinsabu mħassba bis-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna u l-irkupru mill-Covid. Dan ħareġ minn survey li għamlu l-Chamber of SMEs fejn kien preżentat il-Ġimgħa filgħodu fil-binja taċ-Chamber.
L-istħarriġ sar bejn l-10 u 18 ta’ Mejju u minn dan kollu ħareġ li 24% jinsabu mħassba ferm li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi se jkunu qed jagħlqu. 13% qed jaħsbu li jagħlqu fi 3 xhur u 4% f’xahar.
“Wasalna fi żmien li nirkupraw għax għadd ta’ negozji ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk aktar”
Minn dak li wieġbu s-sidien tan-negozji ż-żgħar u medji ntqal li 50% marru agħar mis-sena ta’ qabel meta għalqu. Fil-kummenti li għaddiet il-kamra tal-SMEs ġie mtenni li l-għeluq tal-ħwienet fis-sena 2021 kienet ta’ ħasda akbar meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
60% tas-sidien tal-ħwienet huma nkwetati li l-ħaddiema tagħhom qed ikollhom problemi ta’ saħħa mentali minħabba s-sitwazzjoni kurrenti. F’kummenti li tat lil Net News il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber, Abigail Mamo, qaltilna li wara kollox jeħtieġ li issa jkun hemm aktar għajnuna biex in-negozji jgħinu aktar lill-ħaddiema.
Fatt pożittiv li ħareġ hu li 33% tan-negozji issa marru online, 46% wieġbu li jinsabu sodisfatti mill-bejgħ li wettqu online.
L-aspettattivi għan-negozju għal din is-sena 47% qalu li kollox mexa kif kienu qed jassumu, 48% marru agħar minn dak li kienu qed jassumu u 5% marru aħjar milli kienu qed jantiċipaw.
Net News saqsa wkoll fuq l-impatt li mhux ħalliet l-imxija tal-Covid, iżda wkoll l-impatt tal-Brexit fuq il-ħwienet u n-negozji. F’kummenti li għaddew il-Brexit kienet xi ħaġa li ħafna kienu qed jistennew iżda wkoll ħafna ma setgħux jantiċipaw minnufih l-impatt tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE.
Huma qalu li l-Kamra tan-Negozji qed taħdem biex is-sitwazzjoni ma tibqax kif inhi, fejn anki xi xogħol jinsab imwaħħal. Fl-istess kumment qalu li kemm il-pajjiżi tal-UE u kif ukoll ir-Renju Unit qed jirrealizzaw li f’dan il-kuntest ma jistax ikun hemm distinzjoni, iżda ż-żewġ naħat iridu jaħdmu flimkien biex kulħadd ikun jista’ jgawdi l-opportunitajiet maħluqa.
//= $special ?>