Internazzjonali

Ingilterra: Jixli lill-BBC dwar ‘il-konsegwenzi traġiċi’ li messew lill-Prinċipessa Diana qabel mewtha

Il-Prinċep William, id-Duka ta’ Cambridge, qed iwaħħal fin-network  tal-BBC dwar l-intervista famuża li saret fl-1995 ma’ ommu, il-mibkija Prinċipessa Diana ta’ Wales, u fejn qal li l-intervista kienet ‘parzjalment responsabbli’ għall-fatt li l-Prinċipessa bdiet tbati aktar minn sens ta’ paranoia. William kompla li l-intervista anki kompliet tkisser ir-relazzjoni diġà fraġli ta’ Diana ma’ żewġha, il-Prinċep Charles tal-Ingilterra.

Fl-aħħar jiem, investigazzjoni speċjali fl-Ingilterra deċidiet li l-BBC ma żammx mal-kriterji xierqa meta l-ġurnalista Martin Bashir, fl-aħħar tal-1995, kien intervista lil Diana u żvela ‘l-istat iddisprat’ taż-żwieġ tagħha, flimkien mar-relazzjoni ħażina li l-Prinċipessa kellha mal-membri ewlenin tal-monarkija.

Intant il-Prinċep William qal li għadu mnikket sallum li ommu ma saret taf qatt li kienet ġiet imqarrqa mill-ġurnalista li ‘użaha għall-iskopijiet tiegħu’. William sostna wkoll li anki l-Kapijiet tal-BBC ‘naqsu bil-kbir fil-konfront tal-Prinċipessa ta’ Wales’

Il-Pulizija Metropolitana, issa, qalet li għandha tevalwa l-każ, wara li, qabel, iddeċidiet li ma kienx hemm lok għal investigazzjoni kriminali.

Sadanittant, il-Prinċep Harry, ħu William u li hu magħruf ukoll bħala d-Duka ta’ Sussex, qal li l-mewta ta’ ommu — li spiċċat involuta f’inċident bil-karozza f’Pariġi matul is-sajf tal-1997  – kienet dovuta ‘għall-kultura velenuża tal-media’.

Il-BBC issa kiteb ittra ta’ apoloġija lil William u lil Harry, kif ukoll lill-Prinċep ta’ Wales (Charles) u lil Earl Spencer, ħu l-Prinċipessa Diana.

Intant, William, effettivament, qed jakkuża lill-kapijiet tal-BBC b’li ‘imbuttaw, lill-ġenituri tiegħu lejn divorzju. Dan waqt l-insistenza ta’ William li n-network tal-aħbarijiet kellu anki sehem indirett fl-avvenimenti li rriżultaw fil-mewt ta’ Diana.

L-investigazzjoni indipendenti – li tmexxiet mill-Imħallef irtirat, Lord Dyson  — iddeċidiet li l-ġurnalista Martin Bashir, li kiseb fama globali bis-saħħa tal-intervista esklussiva ma’ Diana, kien aġixxa ‘b’mod qarrieqi’ u li anki falsifika xi dokumenti biex ikun jista’ jintervista lill-Prinċipessa.