Internazzjonali

Iżrael-Medda ta’ Gaza: Jidħol fis-seħħ waqfien mill-ġlied wara 11-il jum ta’ straġi u mwiet

Save draftPreviewSchedule…Add title

Waqaf il-ġlied bejn Iżrael u l-militanti Palestinjani ta’ Gaza wara ħdax-il jum ta’ battalji ħorox li swew il-ħajja ta’ ‘il fuq minn 250 – bil-parti kbira nett tal-vittmi jkunu miltanti u residenti fil-Medda ta’ Gaza.

L-aħbar dwar il-konklużjoni tal-ġlied intlaqa’ b’ċelebrazzjonijiet kbar mill-Palestinjani li ħarġu jdoqqu l-ħornijiet tal-karozzi fit-toroq ta’ Gaza. Dan waqt li l-uffiċjali tal-moviment tal-militanti Hamas għamluha ċara li huma ‘xorta waħda jinsabu attent għall-iċken moviment ostili min-naħa ta’ Iżrael’.

Il-militanti tal-Hamas u Iżrael qed joħorġu bi stqarrijiet konfliġġenti dwar min, fil-fatt, ‘rebaħ il-konflitt’. Dan waqt li l-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, tenna li l-waqfien mill-ġlied għandu jipproduċi ‘opportunità ġenwina’ għal progress fl-inizjattivi lejn l-istabbilità tar-reġjun.

Intant, il-Palestinjani f’Gaza, fl-aħħar sigħat, baqgħu jiċċelebraw ‘ir-rebħa tar-reżistenza’ waqt li l-militar Iżraeljan qal li kienu qed jitneħħew ir-restrizzjonijiet ta’ emerġenza għall-movimenti madwar Iżrael.

Il-konfronti bejn Iżrael u l-Hamas żbruffaw fl-10 ta’ Mejju wara ġimgħat ta’ tensjoni bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani f’Ġerusalemm tal-Lvant. It-tensjoni, imbagħad, irriżultat fi ġlied bejn il-gruppi tal-Lhud u l-Għarab fl-aktar zona ta’ Ġerusalemm li għandha sinifikat reliġjuż għall-komunitajiet rivali.

Talanqas 243 persuna, fosthom ‘il fuq minn 100 nisa u tfal, tilfu ħajjithom waqt l-attakki tal-qawwiet Iżraeljani fuq Gaza – b’Iżrael itennili l-militar tiegħu elimina talanqas 225 militanti Palestinjani.

Sadanittant, inqatlu tnax-il persuna ( fosthom żewġt itfal) f’Iżrael fost l-isparaturi kontinwi tal-missili minn Gaza.

Il-militar Iżraeljan qal, issa, li ‘il fuq minn 4,300 rokit kienu sparati ( mill-militanti) lerjn it-territorji ta’ Iżrael u li l-qawwiet Iżraeljani rnexxielhom jolqtu ‘il fuq minn 1,000 mira tal-militanti fil-Medda ta’ Gaza.

Fl-aħħar sigħat, il-Kabinett Iżraeljan għas-Sigurtà Politika kkonferma li kien aċċetta ‘unanimament’ ir-rakkmandazzjoni għall-waqfien mill-ġlied. Dan wara jiem ta’ pressjoni mill-Istati Uniti u membri oħra tal-komunità Iżraeljani biex jieqaf it-tixrid tad-demm fil-Lvant Nofsani.

Sadanittant, il-mexxejja politiċi f’Iżrael qalu li ‘ir-realtà mal-art għandha tiddetermina l-futur’, bl-Iżraeljani wkoll jinsabu attenti ħafna għall-azzjonijiet ‘attwali’ tal-militanti f’Gaza.

Dan meta r-residenti f’Iżrael u Gaza jemmnu li ma jridux jistennew ħafna għall-eskalazzjoni li jmiss tal-ġlied – bl-uffiċjali tal-Hamas jirrepetu l-messaġġ li ‘il-konferma ta’ waqfien mill-ġlied minn Iżrael għandu jitqies bħala trijonf għan-nies ta’ Gaza’.

Intant, Izzat al-Reshiq, membru ewlieni tal-bureau politku tal-Hamas, ħareġ twissija lil Iżrael.

‘Huwa minnu li ntemmu l-battalji, iżda l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u d-dinja kollha għandhom ikunu jafu li l-Hamas għadu fuq allert sħiħ għal aktar ostilitajiet potenzjali u li ( il-Hamas) se jkompli jżid il-kapaċitajiet tiegħu biex jirreżisti lil Iżrael’, sostna al-Reshiq.

Ftit wara l-konferma tal-waqfien mill-ġlied, il-President Joe Biden ċempel lill-Prim Ministru Netanyahu biex jifraħlu għad-deċiżjoni.

Biden qal li l-Istati Uniti, bħala l-akbar alleata ta’ Iżrael, tappoġġja bis-sħiħ id-dritt tal-Iżraeljani biex jiddefendu lilhom infushom kontra l-attakki bil-missili li ma jiddiskriminawx bejn il-miri militari u ċivili.

Il-President Amerikan anki faħħar lill-President tal-Eġittu, Abdul Fattah al-Sisi, li serva bħala medjatur ewlieni fl-isforzi lejn il-waqfien mill-ġlied — filwaqt li rrefera wkoll għall-‘prezz kiefer li kellu jitħallas (f’Gaza u Iżrael) f’termini ta’ ħajja mitlufa’.

Biden, intant, wassal messaġġ ta’ kondoljanzi lill-familji kollha – Iżraeljani u Palestinjani – li tilfu lill-għeżież f’dan il-konflitt waqt li awgura ‘fejqan ta’ malajr lin-nies li sfaw midruba fl-aħħar ġranet ta’ ġlied’.