Futbol Sport

L-10 edizzjoni tal-‘Goalkeeper Battle’

Bejn t-2 u l-4 ta’ Lulju li ġej se tkun qed tittellgħa l- ‘International Teamsport Goalkeeper Battle’.

Mario Muscat wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-attività qal li matul is-snin kompla jiżdied l-interess minn goalkeepers barranin fejn aktar minn 10% tal-parteċipanti jkunu barranin. L-għan prinċipali ta’ din il-kompetizzjoni huwa li goalkeepers Maltin u Għawdxin ikollhom l-opportunià li jisfidaw u juru t-talent tagħhom kontra goalkeepers barranin. Muscat spjega wkoll li bħal ma sar fl-edizzjonijiet tal-passat, din is-sena wkoll il-profitt kollu se jmur għal ZemZem Foundation, li hija fondazzjoni li tiġbor fondi għal min hu marid bil-leukemia. Din l-attività qed taspira li fis-snin li ġejjin tkompli tikber tant li l-ħolma tal-organizzaturi tkun li l-goalkeepers li jirbħu l-‘Goalkeeper Battle’ jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-‘Goalkeeper Battle’.

Simon Grech li huwa l-organizzatur ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni spjega kif għal din l-edizzjoni se jkunu qed jiżdiedu l-kategoriji ta’ dawk li jieħdu sehem bil-kategoriji kollha jkunu: U/9, U/10, U/11, U/12, U/13, U/14, U/15, U/17, U/19 u l-kategoriji tas-Seniors u tan-Nisa. Grech qal ukoll li din il-kompetizzjoni hija miftuħa għal kull goalkeeper kemm dawk professjonali u anke dawk amatorjali. Din l-attività se tkun qed issegwi d-direttivi maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19.