Coronavirus Ekonomija Kultura Lokali Mużika

Rabja fost l-artisti, kantanti u l-professjonisti fis-settur tad-divertiment

Projbiti l-attivitajiet kollha sa Settembru

Il-Gvern ikkonferma li l-attivitajiet kulturali u mużikali li kienu pjanati li jsiru fi spazji miftuħa ġew projbiti kompletament – aħbar li ġabet magħha rabja kbira mill-eluf ta’ ħaddiema li joperaw f’dan is-settur. Fi kliem sempliċi, dan ifisser li postijiet bħall-Belt Valletta u zoni oħra sinonimi ma’ dawn it-tip ta’ attivitajiet se jibqgħu vojta għax-xhur tas-Sajf. Dan meta l-pajjiż xorta waħda jinsab miftuħ għat-turiżmu, u xorta waħda n-nies qed jitħallew joħorġu.

Kantanti u organizzaturi ta’ diversi avvenimenti li tkellmu ma’ Net News qalulna illi huma ma jistgħux jifhmu kif il-Gvern ma addottax l-istess strateġija bħal dak li qed jagħmlu pajjiżi oħra Ewropej. “Hemm pajjiżi li wara l-Covid qed jimxu b’mod aktar għaqli minn dak li qed jagħmel il-Gvern Malti”, stqarr magħna ħaddiem li ilu snin involut f’attivitajiet mużikali u fid-dinja tat-teatru.

Kritika oħra waslet saħansitra miċ-Chairperson tal-Valletta Cultural Agency Jason Micallef illi stqarr li din ir-restrizzjoni hi xi ħaġa li ma jistax jifhem.

“M’hemmx permess għal attivitajiet kulturali fi spazji miftuħin, toroq, pjazezz u postijiet oħra anke jekk id-dħul ikun ikkontrollat jew l-udjenza turi ċ-ċertifikat tat-tilqim”, stqarr Jason Micallef fuq Facebook.

Intant, sar magħruf illi I-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment, Howard Keith Debono, sejjaħ laqgħa straordinarja tal-assoċjazzjoni wara li sar magħruf li l-attivitajiet kollha, anke jekk ikkontrollati u fi spazji miftuħa, ġew projbiti sa Settembru li ġej.

“Iżżejjed kollu żejjed…din id-darba se noħorġu aktar b’saħħitna,” qal Howard Keith.