Raġel ta’ 38 sena mill-Mosta sofra ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku. L-inċident seħħ ilbieraħ, għal xis-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija, fi Triq Toni Zahra, iż-Żejtun.
Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn Chevrolet Aveo, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 38 sena residenti l-Mosta, u Citroen C3, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 62 sena residenti ż-Żejtun fejn flimkien miegħu kien hemm raġel ta’ 30 sena miż-Żejtun ukoll.
Konsegwentement, ix-Chevrolet Aveo kellha wkoll impatt ma’ vettura tal-għamla DAF li kienet ipparkjata.
Tim mediku ta l-ewwel għajnuna fejn ambulanza ħadet lir-raġel ta’ 38 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura u ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>