Lokali Qorti

Sentejn ħabs fuq attentat vjolenti fuq il-pudur ta’ tfajla

Il-Qorti tal-Appell Kriminali naqset piena ta’ erba’ snin u nofs ħabs għal waħda ta’ sentejn effettivi fil-konfront ta’ Sirjan li għandu 25 wara li nstab ħati fuq attentat vjolenti fuq il-pudur ta’ tfajla ta’ 16-il sena u li żammha kontra l-volonta tagħha. Dan il-każ kien seħħ ftit wara nofs il-lejl ta’ Jum il-Milied tas-sena f’każ li seħħ fl-2015 meta t-tfajla kienet miexja għall-affari tagħha f’Pembroke.

Ir-raġuni li kien hemm tnaqqis fil-piena hija li kien milqugħ parti mill-appell ta’ Najm Fahd fejn l-ewwel Qorti tagħat piena eċċessiva peress li ma qiesitx aspett wieħed tal-każ fejn ma kienx hemm parteċipazzjoni attività sesswali ma’ persuna taħt l-età, iżda nstab ħati ta’ attentat vjolenti fuq il-pudur tat-tfajla.

Madankollu l-Imħallef Edwina Grima qablet ma’ dak li ddeċidiet l-ewwel Qorti fir-rigward tar-reat li kien wieħed diżgustanti fejn instab ħati li minbarra l-atti mit-tfajla, huwa żammha kontra l-volontà tagħha u li kien vjolenti magħha fejn f’ħin minnhom rassha ma’ ħajt,  ħatafha minn għonqha, taha daqqa ta’ ħarta, u bil-forza u kontra l-volontà tagħha beda jbusha u jigdimha, kif ukoll mess l-partijiet privati tagħha.

Il-Qorti qalet ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li s-Sirjan kien involut f’inċidenti simili. Ħareġ ukoll mill-provi li t-tfajla irreżistiet l-aggressjoni u rnexxielha taħrab wara li gidmiet subgħajn Fahd, Meta hija marret id-dar imwewra fetħet qalbha ma’ ommha, u wara li flimkien ma’ familjari oħra tagħha ċemplet lill-Pulizija, li ħarġu jfittxu lill-aggressur.

Kienet omm it-tfajla li għarfet lil Fahd u dan mid-deskrizzjoni li kienet tagħta bintha, meta din sabitu fuq ‘bus stop’ jitkellem ma’ tfajla oħra. Meta l-omm avviċinatu, din it-tfajla telqet minn fuq il-post kif għamel ir-raġel u dan wara li sar konxju li ġie identifikat.

Il-każ issolva mill-Pulizija f’inqas minn xahar u dan wara r-raġel tressaq il-Qorti akkużat b’attentat ieħor fuq il-pudur ta’ mara, bit-tfajla u ommha jagħrfuh meta dan kien ħiereġ mill-Qorti. Huma kienu rawh meta deher minn filmati fuq il-meżżi tax-xandir.  Il-vittma u l-familja tagħha marru għand il-Pulizija u nfurmawhom b’kollox u kien hawn lill-Pulizija komplew jinvestigaw il-każ.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li x-xhieda tat-tfajla kienet dejjem konsistenti, u li din kienet ċerta mill-apparenza tiegħu, tant li meta saret ‘identification parade’ mill-Pulizija fejn numru ta’ rġiel kienu skjerati, t-tfajla ma identifikat lil ħadd minnhom għax dakinhar Fahd ma kienx wieħed minnhom.

Fattur ieħor hu li l-Pulizija sabet fid-dar tiegħu ħwejjeġ u oġġetti li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tat-tfajla  u ommha. Il-każ kompla jissaħħaħ għall-Pulzija grazzi minn filmati tas-CCTV fejn huwa deher ukoll isegwi lit-tfajla fit-triq. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li minkejja t-tnaqqis fil-piena, l-ħati xorta għandu jingħata piena karċerarja effettiva ta’ ħabs u dan ukoll minħabba li diġà nstab ħati ta’ reat simili, iżda kkundannatu għal sentejn ħabs minflok erba’ snin u nofs.

Kienet irtirata wkoll l-Ordni ta’ Protezzjoni fuq it-tfajla u l-familjari tagħha, u minflok il-Qorti tal-Appell ħarġet Ordni ta’ Trażżin għall-perjodu ta’ sentejn. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Matthew Spagnol.