Lokali

Awtur ta’ 9 snin: Il-COVID-19 jispirah isir kittieb bħal ommu

Il-pandemija ħarbtet il-ħajjiet ta’ ħafna.  Fil-bidu tagħha żammet lit-tfal milli jmorru  l-iskola għal diversi xhur filwaqt li s-sajf kien jirrikjedi li wieħed jżomm id-distanza soċjali u jevita l-folol.

Iżda dan ma waqqafx lil Matias, tifel ta’ disgħa snin, milli jaqbad pinna u jibda jikteb storja addattata għat-tfal bħalu flimkien ma’ numru ta’ illustrazzjonijiet li ħoloq hu stess.

Fil-fatt, Matias irnexxielu jdawwar dan iż-żmien xejn sabih fi żmien li tah iċ-ċans li jagħmel dak li dejjem xtaq.

“Dan il-ktieb xtaqt niktbu għal ħafna raġunijiet,” qal Matias. “Meta bdejt niktbu konna fil-lockdown u b’hekk ma kontx qed immur skola u lanqas nara lin-nanniet. Allura ddeċiedejt li nikteb ktieb. Dawn il-karattri jgħinu lin-nies li ma setgħux jagħmlu xi affarijiet waqt il-COVID. Bħal pereżempju jilagħbu bil-ballun u ma jilbsux maskri.”

Il-ktieb bl-isem ta’ ‘Il-Kantina tas-Sigrieti’ jirrakonta l-istorja ta’ tlett itfal li ħoloq Matias bl-immaġinazzjoni tiegħu u li jgħaddu minn avventura ġewwa kantina. Storja li l-għan tagħha hi li tipprova tnessi ftit lit-tfal mill-isfidi tal-pandemija. L-ideat ġew lil Matias grazzi għal ħafna kotba li jaqra. U kien hawnhekk li ddeċieda li jgħaqqad l-avventura u fantasija. Fi kliemu, naqra minn kollox!

Matias qalilna li kemm il-logħob u anke l-qari u l-kitba jħobbhom wisq iżda dawn tal-aħħar huma iktar għal qalbu.

Omm Matias, Jacqueline kellmitna dwar meta binha qallha li kien se jibda jikteb ktieb.

“Matias minn meta kien żgħir kien iħobb ħafna il-kitba,” qalet Jacqueline. “Is-sena li għaddiet, waqt li konna fil-għeqqel tal-pandemija staqsieni x’qed nagħmel. Kif għidtlu li qed inkompli nikteb storja, hu qalli li anke hu se jibda jikteb storja. U mhux talli beda, iżda kompla u spiċċa!”

Matias sab lill-familja tiegħu warajh biex jagħtuh is-sapport… fil-kitba li hija xi ħaġa li qiegħda fil-familja hekk kif omm Matias ukoll tikteb il-kotba.

“Hu ta’ sodisfazzjoni li nara lit-tifel li kapaċi jkun kburi u kunfidenti f’dak li kapaċi jagħmel,” qaltilna Jacqueline. “Matias dejjem kien iħobb jikteb u jpenġi. Fil-fatt, l-istampi kollha li hemm fil-ktieb penġihom kollha hu. B’dan il-ktieb ikun jista’ iferrah u jaqsam l-esperjenzi tiegħu ma’ dawk ta’ madwaru. L-isbaħ ħaġa li wieħed jista’ jkollu hi li jgħaraf il-kapaċitajiet li jkollu u jiżviluppahom.”

Net News staqsa lil Matias x’jixtieq isir la jikber. U bla dubju ta’ xejn li ħatafna fil-kelma hekk kif jixtieq isir awtur… jew arkeologu biex isib l-għadam tad-dinosawri!

U ma setax jonqos lanqas li omm Matias tkompli tħeġġu biex jibqa’ joħloq avventuri ġodda bil-pinna tiegħu.

“Ibqa’ ikteb. Ibqa’ penġi. Ibqa’ emmen fik innifsek,” qalet Jacqueline. “Għamel dak kollu li tħobb u li jagħmlek kuntent.”