Coronavirus Internazzjonali

FL-ITALJA: Organizzati avvenimenti b’Djs popolari biex iż-żgħażagħ jitlaqqmu

Nofs miljun tilqima kuljum – dan huwa l-ammont ta’ vaċċini li qed jingħataw mill-awtoritajiet Taljani, f’dak li qed ikun meqjus bħala l-aktar eżerċizzju fl-Ewropa li rriżulta f’suċċess. U biex jinċentiva t-tilqim fost iż-żgħażagħ, il-Gvern Taljan ħoloq ukoll iniżjattivi innovattivi; fosthom avvenimenti mużikali li qed jissejħu ‘Vax Weekend’ jew ‘Open Vax Day’.

F’Bolzano u Vipiteno se jkun hemm saħansitra Djs li jwasslu mużika varja waqt li ż-żgħażagħ ikunu qed jitlaqqmu. F’Palermo fi Sqallija, it-tilqim qed isir anke filgħaxija.

Intant, fil-5 ta’ Ġunju, fir-reġjun tal-Puglia se jsiru avvenimenti ristretti għal 2,000 ruħ biex l-awtoritajiet jibdew jikkunsidraw li jagħtu l-approvazzjoni għall-attivitajiet tal-massa. Dawk li jattendu dawn il-‘parties’ se jkunu mitluba juru ċ-ċertifikat tat-tilqima kontra l-Covid jew test negattiv. Wara dawn il-provi, anke f’Milan mistennija jsiru attivitajiet simili.