Lokali

“Il-Prim Ministru mhux imħallef u messu jaf aħjar milli jinjora l-allegazzjonijiet dwar Carmelo Abela” – ToM

Bħala avukat Robert Abela jista’ xi darba jkun parti mill-ġudikatura, iżda dak il-mument għadu ma wasalx. Mhux xogħolu li jagħmilha ta’ mħallef, jew ta’ Avukat Ġenerali jew ta’ Kummissarju.

Hekk jistqarr l-editorjal tat-Times of Malta tas-Sibt, li jitkellem dwar kif il-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lil Ministru fil-Kabinett tiegħu li dwaru hemm allegazzjonijiet tqal ħafna.

L-editorjal jgħid li billi jitlob il-provi u jipprova jixħet dubji fuq dawn l-allegazzjonijiet, il-Prim Ministru qiegħed biss jevita r-responsabbiltà politika tiegħu.

Ma titwemminx kif Prim Ministru jista’ jaħdem b’serenità meta fil-kabinett tiegħu hemm Ministru li ma naddafx ismu. Dan minkejja li żewġ xhieda differenti qed jagħmlu allegazzjonijiet identiċi dwaru; wieħed li ma semmihx b’ismu, iżda l-ieħor li indika preċiżament lil Carmelo Abela.

L-editorjal jgħid li l-Prim Ministri qiegħed jimmina l-istess kredibiltà tiegħu meta jixħet it-tort fuq il-Partit Nazzjonalista, u li Abela messu jaf aħjar milli jipprova jinjora dawn l-allegazzjonijiet abbażi ta’ kredibilità. Dan meta bosta allegazzjonijiet oħra dwar membri tal-Gvern Laburista li saru fix-xhur u snin li għaddew, fl-aħħar mill-aħħar irriżultaw li kellhom bażi soda.

Dan minkejja li meta dawn l-allegazzjonijiet ħarġu oriġinarjament fil-media, min esponihom spiċċa ddemonizzat u mgħajjar giddieb.

L-editorjal ikompli jgħid li informazzjoni pprovduta minn kriminali wasslet biex issolvew każijiet li mingħajr din l-informazzjoni ma kienux jissolvew. 

L-arresti fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kienu possibbli grazzi għal informazzjoni li ta wieħed mill-persuni involuti. L-istess il-qtil tal-avukat Carmel Chircop.

Fil-konklużjoni, l-editorjal jgħid li mhemmx dubju li f’moħħ Robert Abela għadu frisk il-mod kif il-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat, baqa’ sal-aħħar jinsisti li jiddefendi lill-id il-leminija tiegħu, Keith Schembri. Fatt li wassal għall-kollass tal-istess Muscat.

Il-Prim Ministru qal kemm-il darba li ż-żmien ta’ min hu untouchable, spiċċa. Iżda sfortuanament, qed għal Carmelo Abela jagħmel eċċezzjoni.