Lokali Qorti

Jikkommetti att ‘sesswali’ fuq tifla ta’ 13-il sena li marret tara lil ħuha jilgħab il-futbol f’Għawdex

Il-Qorti tal-Appell sabet ħati Għawdxi ta’ 61 sena, minn Għajnsielem li f’Novembru tal-2019 ikkommetta att ta’ natura ‘sesswali’ minghajr kunsens fuq tifla li kellha 13-il sena. Din it-tifla li hija minn Malta kienet Għawdex flimkien mal-ġenituri tagħha u ħuta subien, li wieħed minnhom kien qed jilgħab il-futbol fil-grawnd tax-Xewkija.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera irrevokat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrat li kienet illiberat lil Richard Attard mill-akkużi kollha, iżda fl-Appell huwa nstab ħati ta’ akkuża waħda, dik li ħa vantaġġ minn persuna taħt l-età u li għalhekk hija vulnerabbli. Għaldaqsant il-Qorti laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali.

Il-Qorti tal-Appell minn naħa l-oħra qablet mad-deċiżjoni tal-ewwel qorti li ma ssibux ħati li ġewwa l-bandli tal-lokalità tax-Xewkija, fi Triq tal-Ħamrija, fit-3 ta’ Novembru, 2019 bejn 1-10:15 a.m. u l-11:15 a.m b’għemil żieni, kkorrompa persuna taht l-età ta’ 16-il sena.

Attard, li għandu żewġ ulied adulti u li jgħixu ma’ ommhom ingħata tliet xhur probation għall-perijodu ta’ tliet snin. Il-Qorti spjiegatlu dwar ir-responsabilità tiegħu u x’jiġri jekk huwa jikkommetti reat li għalih ikun hemm piena ta’ priġunerija matul dan il-perjosdu.

Fattur ieħor fil-kunsiderazzjoni tas-sentenza kienet ix-xhieda tal-Psikjatra Anton Grech dwar il-qagħda mentali tar-raġel li tpoġġa wkoll fir-reġistru għall-protezzjoni tal-minuri peress li l-każ jirrelata ma’ persuna taħt l-età. Mix-xhieda tal-istess tifla, Attard beda jgħajjtilha waqt li hi kienet qegħda titbandal u marret ħdejh għax ħasbet li kellu bżonn xi ħaga.

Huwa staqsiha jekk jistgħux jidhlu fil-latrina tan-nisa u hi hekk għamlet għax sa dak il-ħin ma ħasbet xejn ħażin. Madanakollu, meta daħlu, huwa beda jgħannaqha, ibusilha ghonqha u jmissilha l-warrani. Imbghad staqsiha jekk jistax jerġa’ ibusha u hi qaltlu le, u telqet ‘ il barra minn sabiex tgħid lill-ommha x’kien ġralha.

Il-fatti kif irrakkontati mit-tifla jammontaw għall-att ta’ natura ‘sesswali’ mingħajr kunsens’. Dan peress li dan il-kaz jitratta dwar ‘tokkament’ fuq il-warrani ta’ minuri minn persuna ferm ikbar minnha. L-inkontru sar wara stedina minnu biex tmur fit-toilets tan-nisa miegħu, minflok jibqgħu barra fl-apert, sabiex b’ hekk jagħtu inqas fil-għajn.

Dawn il-fatti juru biċ-ċar li l-intenzjoni tar-raġel kienet il-gratifikazzjoni sesswali tiegħu, li kompliet meta wrieha x-xewqa li jrid ibusha, u juru wkoll li hu kien konxju tal-fatt li dak li ried jagħmel mal-minuri kien indiċenti, tant li saret stedinha biex imorru fil-latrina minflok jibqgħu fl-apert ħdejn il-bandli.

Il-fatt li t-tifla minn jeddha ddeċidiet li tmur miegħu fit-toilets tan-nisa, u l-fatt li ma kienx fiżikament vjolenti magħha meta beda jbusha u jmissha, ma jfissirx li t-tifla kienet qegħda tagħti l-kunsens tagħha biex huwa jbusha, jgħannaqha u jmissilha l-warrani. Kollox ġara għall-għarrieda u b’ħasda ghall-minuri, peress li ma kinitx qegħda tistenna dan il-komportament min-naha tiegħu.

Il-Qorti qalet ukoll li l-fatt li Attard mess biss minn fuq il-ħwejjeġ, xorta huma atti mhux ġustifikabbli u ta’ natura sesswali, u li mhijiex xi ħaġa xierqa li persuna, f’dan il-każ femminili u ta’ età tenera hafna, tiġi sottomessa għall-att sesswali u passjonali

L-Ispettur John Spiteri, prosekutur fil-każ qal li dak inhar kien l-għassa ġewwa l-vice Squad u gie mgħarraf mill-Ispettur Josef Gauci, wkoll prosekutur fil-każ, li kien daħal rapport ta allegat abbuż sesswali u li kien involut fih ir-raġel inkwistjoni fuq tifla ta’ 13-il sena.

Qal li dakinhar stess huwa kien tkellem mal-minuri fil-preżenza tal-ġenituri tagħha. Din kkonfermat li kienet hdejn il-bandli fix-Xewkija, Għawdex u dan flimkien mal-familja tagħha peress li kienet hemm ghal tournament tal-football, fejn kien jilgħab ħuha man-Naxxar.

Ommha u missierha kienu qed jaraw lil ħuha jilgħab l-futball fil-grawnd li jinsab biswit ta fejn ġara l-każ. Qalet li kienet qed titbandal meta raġel għajtilha u għamillha sinjal biex tavvinċinah, imbgħad ġraw l-episodji. Ommha kienet ftit metri ‘l bogħod min fejn kienet bintha u din qalet lill-Ispettur li kienet avviċinat lir-raġel u staqsietu għaliex kien għamel hekk. Qaletli kien hemm ukoll xi ftit ta kommossjoni wara l-inċident.

Tant li ommha kienet anke imbuttat lir-raġel fuq bank u dan weġibha ‘tmisnix’ għax ‘disabled’ jien. Qaltlu ukoll li kienet ċemplet lill-pulizija u fil-11.15 a.m. ġie arrestat minn fuq il-post minnhom. Waqt l-interrogatorju Attard kien qalilhom li huwa persuna ‘disabled’ u waqt l-istess investigazzjoni l-Ispettur kien qal lir-raġel li kien hemm ir-recording u dan għaliex ghall-ewwel huwa kien innega li kien daħal fit-toilet.

Xhud importanti kien il-Psikjatra Anton Grech li kkonferma li kien ra lil Richard Attard u ibbaża ir-rapport tiegħu ukoll fuq notamenti li kien hemm l-isptar Qal kien kapaċi jsegwi u jagħti struzzjonijiet dwar l-akkużi kontrih u għandu kapaċità mentali li jifhem u jaf xi jrid.

Qal li pero huwa kellu korriment gravi fir-ras u għalhekk jista’ jkun hemm konsegwenzi psikoloġiċi fil-konfront tiegħu u dan għaliex ikun suġġett għal stress. “Din l-injury tista’ tikkrejalu ċertu element ta’ inqas kontroll fuqu nnifsu, qal Grech.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li mhijiex difiża għal Attard li jgħid li ma kienx jaf l-eta tat-tifla u dan għaliex għandu jkun jkun ċert li fl-ebda ħin m’għandu jikkommetti atti bħal dawn ma’ tfajla taħt l-eta.

Dwar il-piena pero il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni dak li stqarr il-Psikjatra Anton Grech fir-rigward tar-raġel, kif ukoll il-fedina penali tiegħu li ghandha diversi reati reġistrati fuqha, għalkemm ħafna minnhom kienu kontravenzjonali. Hija tal-fehma li l-piena għandha tkun lejn il-minimu tagħha u dan minħabba in-natura tal-atti kommessi minnu.