Il-Partit Nazzjonalista se jiżgura li l-arti ikollha l-opportunitajiet kollha biex tavvanza. Sostna dan il-Kap tal-PN Bernard Grech hekk kif żar il-wirja tal-proġetti tal-istudenti tal-Arti Diġitali fl-Universita’ ta’ Malta.
Akkumpanjat minn martu Anne Marie, Bernard Grech qal li l-proġetti li hawn fil-wirja huma xogħol ta’ ispirazzjoni, kreattivita’ u espressjoni tal-esperjenzi personali tal-istudenti li ħolquhom.

Hu żar kull wieħed mill-proġetti esibiti u tkellem mal-istudenti li ħolquhom fejn kellu l-opportunita’ jisma’ t-teknika u l-mezzi li jużaw, x’kienet l-ispirazzjoni tagħhom u proġetti futuri.
Id-Dipartiment tal-Arti Diġitali hu parti mill-Fakulta’ tal-Media u x-Xjenza tal-Għarfien fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta.

Fil-wirja hemm 30 proġett minn daqstant studenti li ħadmu b’diversi media li jinkludu fotografija, animazzjoni, tpinġija, grafika, ħoss u anki disinn 3D.

Ħafna mill-proġett mhux biss għandhom il-valur artistiku u estetiku minnu nnifsu iżda t-tekniċi li jintużaw jistgħu jiġu applikata anki fuq proġetti kummerċjali u ta’ kreattivita’

Il-proġett hu parti integrali mit-teżi li jridu jippreżentaw sabiex jiggradwaw f’Baċellerat tal-Arti Diġitali.