Knisja Lokali

Live-in tal–kappillani 2021: “Il-preżenza diġitali tal-parroċċi”

Waqt il-live-in annwali tal-kappillani li sar bejn it-18 u l-20 ta’ Mejju 2021, ġiet diskussa l-preżenza online tal-parroċċi u l-potenzjal li toffri l-media soċjali. Bil-għajnuna ta’ esperti f’diversi oqsma tal-media, is-70 kappillan tal-Arċidjoċesi ta’ Malta esploraw inizjattivi li jistgħu jittieħdu sabiex il-messaġġ tal-Knisja jilħaq iktar nies fuq il-media soċjali, inkluż l-adolexxenti u ż-żgħażagħ u dawk li huma għatxana għall-aħbar it-tajba. It-tema tal-live-in kienet ‘Knisja li Tisma’, Knisja li Toħroġ’, marbuta mad-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali tal-arċidjoċesi Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed.

Din kienet l-ewwel darba li għadd ta’ kappillani setgħu jsegwu u jipparteċipaw fil-laqgħat tal-live-in online, filwaqt li oħrajn kienu preżenti għal-laqgħat fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù. Dan minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija COVID-19.

L-ewwel jum tal-live-in beda b’messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li staqsa x’viżjoni għandna ta’ pastorali online li verament tesprimi preżenza ta’ Knisja li tisma’ u Knisja li toħroġ. Huwa ħeġġeġ lill-kappillani sabiex ikomplu jagħmlu ħilithom biex iwasslu l-Bxara t-Tajba bħala aħbar tajba, kif tassew hi.

L-Arċisqof Charles Scicluna għalaq dawn it-tliet ijiem ta’ diskussjoni fejn spjega li waħda mill-missjonijiet tal-kappillan hi li jsir jaf il-persuni li jgħixu fil-komunità tiegħu. Għalhekk stieden lill-kappillani sabiex jagħrfu t-talenti li għandhom fil-parroċċa u b’hekk jgħinu lill-Knisja tkompli twassal il-messaġġ tagħha fuq il-mezzi soċjali b’lingwaċċ adattat għaż-żminijiet tal-lum. L-Arċisqof stieden lis-saċerdoti biex anke online jkunu strument ta’ ħniena billi jkunu preżenti għall-oħrajn, u sabiex kull min jiltaqa’ magħhom jkollu togħma tajba tal-Evanġelju li tqarrbu lejn il-komunità Nisranija.

Matul il-live-in, madwar għaxar professjonisti fil-qasam tal-media, inkluż il-media tal-Knisja, għenu lill-kappillani jesploraw b’mod kreattiv is-social media platforms eżistenti u għodod diġitali li jistgħu jintużaw. Kelliema oħra qasmu l-esperjenzi tagħhom u wrew kif il-mezzi soċjali online huma mfittxija kemm miż-żgħażagħ kif ukoll mill-adulti skont
il-pjattaforma li tintuża.

Kienu wkoll mistiedna żgħażagħ attivi fil-parroċċi u gruppi Nsara li tkellmu dwar kif matul il-pandemija użaw il-media soċjali sabiex iwasslu l-messaġġ Nisrani b’mod kreattiv. Il-live-in ġie organizzat mill-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani flimkien mal-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.