Lokali

Żewġt irġiel ta’ 22 u 27 sena jegħrqu f’San Pawl il-Baħar

Wieħed mill-vittmi kellu biss 22 sena

Żewġt irġiel ta’ nazzjonalita’ Niġerjana, sfortunatament tilfu ħajjithom wara li sabu ruħhom f’diffikulta’ f’Dawret il-Gżejjer, San Pawl il-Baħar.

Il-vittmi huma Daniel Gold ta’ 27 sena u James Ighodalo ta’ 22 sena.

Il-każ seħħ matul il-lejl, għal xi l-kwarta tas-Sibt filgħodu, meta l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm żewġ persuni qed jgħerqu.

Immedjatament uffiċjali tal-Pulizija għamlu l-wasla tagħhom fil-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li raġel ta’ 27 sena kien waqa’ fil-baħar u sab ruħu f’diffikulta’ biex jitla’ lura l-art. Sieħbu ta’ 22 sena qabeż fil-baħar biex jipprova jgħinu wara li beda jgħajjat għall-għajnuna, iżda sfortunatment aktar tard sab ukoll diffikulta’.

Fuq il-post issejħu għaddasa tal-Forzi Armati u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu liż-żewġ persuni mill-baħar.

Huma sfotunatament ġew iċċertifikati mejta fuq il-post. Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Iż-żewġt irġiel kienu immigranti mill-Italja li kienu jaħdmu f ‘pajjiżna b’mod regolari.

Huma kienu magħrufa sew fil-komunità Niġerjana, u kelliema għal-Assoċjazzjoni Niġerjana qalilna li kienu bħal aħwa għalih. Hu qal li kien jinsab magħhom sa siegħa qabel l-inċident tragiku li ħasdilhom ħajjithom.