L-eks Direttur Maniġerjali tat-Times Adrian Hillman kien arrestat fir-Renju Unit u mhux mistenni joġġezzjona għall-estradizzjoni tiegħu lejn Malta hekk kif qed jaffaċċja diversi akkużi fosthom ħasil ta’ flus u korruzzjoni mal-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.
Hillman mistenni jitressaq il-Qorti wara li ġiet konkluża l-inkjesta maġisterjali li talab l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, dwar tixħim fil-bejgħ ta’ magni fl-istamperija Progress mingħand il-kumpanija Kasco ta’ Keith Schembri, bl-istess Schembri allegatament xaħħam lil Hillman b’madwar €650,000 f’aktar minn 30 tranżazzjoni suspettuża bejn l-2011 u l-2015 kif ukoll li ddepożita aktar minn €225,000 cash f’kont tiegħu mal-HSBC bejn Jannar 2011 u Frar 2016.
Sorsi li tkellmu mat-Times of Malta qalu li Hillman ittieħed fil-kustodja tal-Pulizija aktar kmieni din il-ġimgħa wara mandat ta’ arrest maħruġ mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Kriminalità tar-Renju Unit. Huwa tressaq ukoll il-Qorti fir-Renju Unit fejn maġistrat se jiddeċiedi dwar it-talba ta’ Malta biex jiġi estradit.
L-avukat tiegħu, Stefano Filletti qal li Hillman ilu jkkoopera mal-Awtoritajiet minn Marzu li għadda. Filletti qal li Hillman dejjem kellu l-intenzjoni li jiġi Malta u jikkopera mal-Awtoritajiet u għalhekk mhux se joġġezzjona li ssir l-estradizzjoni tiegħu lejn pajjiżna.
Iktar kmieni dan ix-xahar, ir-Renju Unit irċieva d-dokumenti kollha neċessarji mill-Awtoritajiet Maltin sabiex tkun tista’ ssir din l-estradizzjoni.
//= $special ?>