Il-kantanta Maltija Destiny kklassifikat fis-seba’ post fil-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest.
Hi kisbet total ta’ 255 punti wara prestazzjoni impekkabbli fl-Ahoy Arena f’Rotterdam.
Wara l-voti tal-ġurijiet professjonali tal-pajjiżi, Malta kienet ikklassifkat fit-tielet post u kellha total ta’ 208 punt, iżda l-47 punt miksuba mit-televoting ma kinux biżżejjed biex itellgħuha sal-quċċata. Fit-televoting Malta spiċċat fl-14-il post.
Fl-ewwel semi finali Malta kassifikat fl-ewwel post b’total 325 punt. Fis-serata tat-Tlieta Destiny ġabet 174 punt mill-ġurija filwaqt li ngħatat 151 punt permezz tat-televoting.
Ir-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni tal-Eurovision Song Contest kien il-grupp Maneskin tal-Italja bil-kanzunetta Zitti e Buoni.
Maneskin kisbu 524 punti li minnhom 206 ġew mill-ġurija u 318 mit-televoting.
L-aħħar darba li l-Italja rebħet din il-kompetizzjoni kien 31 sena ilu fl-1990 meta f’Zagreb, Totò Cutugno ttrijonfa bil-kanzunetta Insieme: 1992.
Fit-tieni post f’din l-edizzjoni ta’ Eurovision Song Contest, ikklassifikat Barbara Pravi ta’ Franza bil-kanzunetta Voilà. Hi kisbet 499 punt.
Gjon’s Tears tal-Iżvizzera li kien l-ewwel wara l-punti tal-ġurijiet, ikklassifika fit-tielet post bil-kanzunetta Tout l’Univers, b’total ta’ 432 punti.
Diżappunt kbir għal James Newman mir-Renju Unit li baqa’ bla ebda punt wara li ma ġabarx imqar punt wieħed la mill-ġurijiet u lanqas mit-televoting.
Minbarra d-diżappunt għar-Renju Unit, żewġ pajjiżi oħra mill-big 5, il-Germanja u Spanja, iddiżappuntaw ukoll hekk kif ikklassifikaw fiż-żewġ postijiet ta’ qabel l-Ingilterra, bi tliet punti u sitt punti rispettivament.
L-aħħar darba li wieħed mill-pajjiżi li jiffurmaw il-big 5 rebaħ din il-kompetizzjoni kien fl-2010 meta f’Oslo, Lena tal-Ġermanja ikklassifikat l-ewwel bil-kanzunetta Satellite.
//= $special ?>