Internazzjonali

Eurovision: Il-grupp Maneskin jirrifjuta l-allegazzjonijiet relatati mad-droga

Il-kantant ewlieni tal-grupp Taljan li rebaħ il-Festival tal-Eurovision qed jiċħad b’mod assolut li kien qed jiġbed id-droga kokaina waqt is-serata finali. Dan meta fl-aħħar sigħat, kien hemm ħuġġieġa ta’ spekulazzjoni dwar l-aġir tal- kantant li deher ‘mitluf f’azzjoni mill-aktar dubjuża’ waqt li b’rasu baxxuta fuq mejda, fl-aktar ħin sinifikanti tal-festival organizzat f’Rotterdam ( fl-Olanda).

Damiano David, il-front man tal-grupp Maneskin, qed jiċħad ‘kategorikament’ li hu, dak il-ħin, kien qed jieħu l-kokaina u, waqt konferenza tal-aħbarijiet, qal li hu assolutament kontra d-droga. Il-grupp Maneskin kien fost il-favoriti għar-rebħ tal-Eurovision bil-kanzunetta ‘Zitti e Buoni’ u, fl-aktar ħin kruċjali tal-festival, il-kanzunetta tagħhom issuperat dik tal-Iżvizzera fil-quċċata grazzi għat-televoting li effettivament ikkonfermalhom ir-rebħa.

Madankollu l-ispekulazzjoni għadha għaddejja, bin-nies li jużaw il-media soċjali qed janalizzaw bir-reqqa il-filmati tal-kantant waqt li deher qed iniżżel wiċċu lejn il-mejda fil-ħin taċ-ċelebrazzjoni tar-rebħa – b’din ix-xena tibqa’ miftuħa għġal kull tip ta’ interpretazzjoni.

Sadanittant, David qed jgħid li ‘hu, dak il-ħin, kien qed iħares ‘l isfel għaliex sieħbu, il-kitarrist Thomas Raggi, kien kisser tazza u ħasad lil kulħadd’.

Is-sezzjoni għall-Komunikazzjoni  tal-Eurovision qalet li hi konxji ħafna ta’ din il-kontroversja u qed tindaga ċ-ċirkustanzi. Dan meta ħadd, għalissa, mhu ċert jekk tistax tittieħed xi azzjoni speċifika fil-konfront tal-grupp Taljan fil-jiem li jmiss.

Il-grupp Maneskin, issa, irreaġixxa b’mod formali għall-allegazzjoni permezz ta’ post fuq Instagram, fejn il-membri rrepetew li huma xukkjati u li ‘ jirrifjutaw l-użu tad-droga kokaina’. Huma komplew li ‘qatt ma użaw id-droga u li lesti jissottomettu ruħhom għat-testijiet għaliex ma għandhom xejn x’jaħbu’.