Internazzjonali

Il-Belarus: Ibiddlu r-rotta ta’ titjira biex jarrestaw ġurnalist

Ajruplan ta’ Ryanair li kien għaddej b’titjira mill-Greċja lejn il-Litwanja kellu jibdel ir-rotta lejn il-Belarus, bil-għan li l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż jarrestaw ġurnalist dissindenti li kien fost il-passiġġieri.

Il-każ kien żvelat mill-membri tal-Oppożizzjoni f’Minsk u meta l-ġurnalist arrestat kien identifikat bħala Roman Protasevich, eks editur tal-online network “Nexta’ u magħruf bħala kritiku tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko.

L-istampa tal-Belarus, intant, qalet li l-ajruplan inkwistjoni ‘kien imġiegħel jibdel id-direzzjoni lejn Minsk minħabba li kien hemm theddida ta’ bomba abbord’. Madankollu, l-aħħar rapporti qalu, wara, li ma nstabu l-ebda splussivi fuq l-ajruplan.

Numru ta’ pajjiżi Ewropej, intant, esprimew għadab għall-arrest arbitrarju tal-ġurnalista u insistew għall-pieni fil-konfront tal-Belarus li l-awtoritajiet tiegħu qed ikunu akkużati dwar ‘terroriżmu fuq livell ta’ Stat’.

Filwaqt li qed tiżdied is-sejħa għall-ħelsien ta’ Protasevich, numru ta’ personalitjaiet politiċi fl-Ewropa qegħdin jinsistu wkoll ‘għall-intervent tal-Unjoni Ewropea u n-NATO f’dan il-każ’.