Futbol Sport

Lille jwaqqfu d-dominanza ta’ PSG

(Ritratt: EPA)

Lille waqqfu d-dominju ta’ PSG hekk kif rebħu l-Ligue 1 għall-ewwel darba sa mill-2010 biex b’hekk rebħu l-kampjonat għar-raba’ darba fl-istorja tal-club. Fl-aħħar partita tal-istaġun u dik deċiżiva, Lille għelbu lil Angers 2-1. JONATHAN DAVID fetaħ l-iskor għat-tim ta’ Christophe Galtier wara 10 minuti meta kkonkluda fuq pass ta’ Renato Sanches. It-tieni gowl ta’ Lille wasal ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Bernardoni waqqa’ lil David fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Minn ħdax-il metru BURAK YILMAZ ma żbaljax għal 2-0. Angers naqqsu l-iskor lejn it-tmiem permezz ta’ ANGELO FULGINI.

Minkejja r-rebħa li kisbu fuq Brest, PSG ma rnexxielhomx jirbħu l-10 kampjonat fl-istorja tal-club hekk kif temmew punt taħt Lille. Fil-partita kontra Brest, Neymar ra l-penalty tiegħu jgħaddi barra wara 19-il minuta. Minkejja dan, PSG marru fil-vantaġġ fis-37 minuta meta minn corner ta’ Di Maria kien ROMAIN FAIVRE li f’tentatti li jbiegħed il-periklu xeħet fix-xibka tiegħu stess. It-tim ta’ Mauricio Pochettino rdoppja fil-71 minuta b’konklużjoni mill-viċin ta’ KYLIAN MBAPPE.

LIGUE 1
Illum: Angers v Lille 1-2, Brest v PSG 0-2, Lens v Monaco 0-0, Lyon v Nice 2-3, Metz v Marseille 0-0, Nantes v Montepellier 1-2, Reims v Bordeaux 1-2, Rennes v Nimes 2-0, Saint-Etienne v Dijon 0-1, Strasbourg v Lorient 1-1