Id-diskors dwar min se jakkumpanja lil Manchester City – iċ-Champions il-ġodda – u Manchester United (runners-up) bħala rappreżentanti tal-Premier Ingliż fiċ-Champions League li jmiss kien konkluż, ilbieraħ, b’Liverpool u Chelsea it-tnejn jikkwalifikaw fl-aħħar nifs u fejn spiċċaw it-tielet u r-raba’ fil-klassifika, rispettivament. Intant, l-aħħar programm tal-istaġun irriserva biss diżappunt għal Leicester City, ir-rebbieħa tal-FA Cup, li tilfu posthom fit-Top Four wara sensiela ta’ riżultati diżastrużi lejn it-tmiem tal-kampjonat.
Wara t-telfa ma’ Tottenham Hotspur, il-Foxes issa se jilgħabu fl-Europa League, l-istess bħal West Ham United, li kisbu r-riżultat li riedu ma’ Southampton – u bi Spurs jikkwalifikaw għall-Europa Conference wara li aċċertaw mis-seba’ post finali. Liverpool irnexxielhom isalvaw il-kwalifikazzjoni għall-akbar kompetizzjoni Ewropea wara staġun mill-aktar kaotiku – u grazzi għar-rimonta tal-aħħar ġimgħat fejn ir-Reds rebħu l-aħħar ħames konfronti fil-Premier League. Intant, it-tim ta’Jurgen Klopp kien jeħtieġ ‘l-aħħar tliet punti’ mill-konfront tal-bieraħ ma’ Crystal Palace f’Anfield Road u huma kisbu r-riżultat li xtaqu, b’Sadio MANE jiskorja darbtejn (36, 74) fir-rebħa, 2-0, fuq l-Eagles. Il-logħba kienet anki l-aħħar waħda għall-veteran Roy Hodgson bħala manager ta’ Palace.
It-telfa ta’ Chelsea għand Aston Villa (1-2) ma żvolġietx daqstant f’waħda diżastruża, bil-Blues xorta waħda jiksbu r-raba’ post fil-Premier League minkejja ħinijiet ta’ qtigħ il-qalb kbir. Il-Villains ħadu l-vantaġġ mal-mistrieħ meta Bertrand TRAORE (43) sab ix-xibka b’xutt tremend fuq azzjoni ta’ korner. Intant, it-tim tal-Midlands irdoppja minn penalty, kmieni fit-tieni taqsima, wara li Jorginho iffawlja lil Traore fil-kaxxa – b’ Anwar EL GHAZI (52) ma jiżbaljax mill-ħdax-il metru. Ben CHILWELL naqqas id-distakk fis-70 minuta iżda fl-aħħar tal-logħba, Chelsea spiċċaw b’għaxra wara li tkeċċielhom id-difensur Azpilicueta għal fawl fuq Jack Grealish.
Leicester City tilfu l-kwalifikazzjoni għaċ-Champions League għat-tieni staġun konsekuttiv meta sfaw megħluba f’darhom, 2-4, minn Tottenham Hotspur. Il-Foxes marru fil-vantaġġ wara 18-il minuta grazzi għal penalty skurjat minn Jamie VARDY iżda Harry Kane – li x’aktarx kien qed jilgħab l-aħħar logħba kompetittiva bil-flokk ta’ Spurs – għAmilhom 1-1 (41) sal-mistrieħ. Fit-tieni taqsima, Vardy skorja t-tieni penalty tal-logħba biex ipoġġi lit-tim tiegħu mill-ġdid fil-vantaġġ iżda Tottenham wettqu reazzjoni kbira, bil-gowlkiper tal-Foxes, Schmeichel, jikkommetti awtogol għat-2-2 u b’Gareth BALE jiskorja doppjetta tard fil-logħba (87, 96) biex jagħlaq l-istaġun ta’ Spurs fuq nota tajba.
West Ham Utd ikkonkludew l-impenji tal-istaġun fis-sitt post tal-Premier League ( u fejn aċċertaw minn post fl-Ewropa) wara Rebħa komda, 3-0, fuq Southampton fil-London Stadium. Il-Hammers kellhom bżonn punt wieħed biss biex jiggarantixxu dan it-tragward u daħlu jistrieħu 2-0 fil-vantaġġ, b’gowls ta’ Pablo FORNALS fit-30 u t-33 minuta. Il-logħba minn dak il-ħin kienet prattikament mirbuħa u Declan RICE għamilhom tlieta, erba’ minuti mit-tmiem, fuq l-assist ta’ Fornals.
L-attakkant Arġentin, Sergio Aguero, skorja darbtejn fir-rebħa, 5-0, ta’ Manchester City fuq Everton – u biċ-Champions Ingliżi jagħlqu l-kampjonat b’arja kbira ta’ festa fl-Etihad Stadium. Il-logħba bla dubju kienet emozzjonali ħafna għal Aguero li se jitlaq lill-klabb wara li rebaħ ħames kampjonati f’għaxar snin mas-Citizens u li daħal jilgħab tard fit-tieni taqsima meta t-tim tiegħu kienu diġà 3-0 minn fuq. Il-partitarji ta’ City setgħu jidħlu fl-Etihad għall-ewwel darba f’dan l-istaġun u fejn raw wirja għal kollox dominanti mit-tim tagħhom, bil-gowls jaslu minn DE BRUYNE (11) GABRIEL JESUS (14) U PHIL FODEN (53) – u b’Aguero jħalli l-marka tiegħu fil-71 u s-76 minuta qabel setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet għar-rebħ tal-kampjonat.
Manchester United, ir-runners-up tal-Premier League, għelbu lil Wolves, 2-1, f’Molineux, bir-Red Devils jikkonkludu l-istaġun mingħajr telfa waħda barra minn darhom fil-kampjonat. United, li nhar l-Erbgħa jilgħabu fil-finali tal-Europa League kontra Villareal ta’ Spanja, marru fil-vantaġġ miż-żgħażugħ Anthony ELANGA (13), b’Wolves iwieġbu minn Nelson SEMEDO (39) u bir-Red Devils jiksbu l-vantaġġ mill-ġdid mill-penalty ta’ Juan MATA (45+4) wara fawl fil-kaxxa fuq Van de Beek. It-tieni taqsima ftit irriservat azzjonijiet u fl-aħħar tal-logħba kien hemm tislima speċjali għal Nuno Espirito Santo li kien qed jieħu ħsieb it-tim ta’ Wolves għall-aħħar darba.
Arsenal għelbu lil Brighton and Hove Albion, 2-0, quddiem folla ta’ 10,000 ruħ fl-Emirates Stadium iżda kienu miċħuda minn post fl-Ewropa wara li Tottenham biddlu telfa f’rebħa għand Leicester. Il-gowls fir-rebħa tal-Gunners waslu fit-tieni taqsima u kienu skurjati minn Nicolas PEPE (49, 60) iżda ċ-ċirkustanzi ‘il hinn minn Londra jfissru tmiem għar-rekord tal-Gunners li kienu kwalifikaw dejjem għall-Ewropa mill-istaġun 1995-96.
Sheffield United, l-ewwel tim li spiċċa relegat mill-Premier League f’dan l-istaġun, għalaq il-programm b’rebħa, 1-0, fuq Burnley fi Bramall Lane. Il-gowl deċiżiv skurjah David McGOLDRICK (26) li għeleb lill-gowlkiper Norris b’xutt sabiħ wara azzjoni personali.
Leeds United temmew l-istaġun bir-raba’ rebħa konsekuttiva fil-kampjonat, fejn ġabu fix-xejn lil West Bromwich Albion, 3-1, f’Elland Road. It-tim ta’ Marcelo Bielsa b’hekk spiċċa fid-disa’ post tal-klassifika, b’gowls ta’ RODRIGO (17), Kalvin PHILLIPS (42) u penalty skurjat mis-sostitut Patrick BAMFORD (79) jaċċertaw mir-riżultat qabel il-gowl tal-bandiera għall-Baggies ( li wkoll tilfu posthom mal-kbar) skurjat minn Hal ROBSON-KANU (90).
Joe WILLOCK sab ix-xibka għas-seba’ logħba konsekuttiva tiegħu bil-flokk ta’ Newcastle United, bil-Geordies jiksbu rebħa oħra, 2-0, għall-ispejjeż ta’ Fulham li qegħdin jaħsbu dwar il-ħajja f’The Championship wara staġun mill-aktar deludenti. Il-Cottagers mill-ġdid sofrew nixfa ta’ gowls u sabu ruħhom minn taħt wara 23 minuta meta Willock, li hu misluf lil Newcastle mingħand Arsenal, ikkonkluda fix-xibka wara ġirja determinata fejn qabad lid-difiża avversarja fuq sieq waħda. It-tieni gowl ta’ Newcastle wasal minn penalty skurjat minn Fabian SCHAR (88) u li ngħata għall-fawl ta’ Kenny Tete fil-kaxxa.
PREMIER LEAGUE
Illum: Arsenal v Brighton 2-0, Aston Villa v Chelsea 2-1, Fulham v Newcastle 0-2, Leeds v West Brom 3-1, Leicester v Tottenham 2-4, Liverpool v C. Palace 2-0, Man City v Everton 5-0, Sheff United v Burnley 1-0, West Ham v Southampton 3-0, Wolves v Man Utd 1-2