Milan u Juventus kisbu post fil-UEFA Champions League hekk kif it-tnejn rebħu l-konfronti tagħhom kontra Bologna u Atalanta rispettivament filwaqt li Napoli temmew fi draw kontra Verona.
Fil-Gewiss Stadium, Milan għelbu lil Atalanta 2-0 f’partita bilanċjata biex b’hekk temmew il-kampjonat bħala runners-up. Il-gowl deċiżiv wasal fit-43 minuta meta Joakim Maehle waqqa lil Theo Hernandez fil-kaxxa, biex minn ħdax –il metru l-eks tal-partita, FRANCK KESSIE ma żbaljax b’Milan jiddefendu r-riżultat sat-tmiem. Lejn it-tmiem l-istess KESSIE rdoppja permezz ta’ penalty ieħor.
Juventus irnexxielhom barra minn darhom għelbu lil Bologna 4-1. FEDERICO CHIESA fetaħ l-iskor għat-tim ta’ Andrea Pirlo wara biss sitt minuti, b’ALVARO MORATA jirdoppja fid-29 minuta. ADRIAN RABIOT għamilhom 3-0 mal-mistrieħ biex fis-47 minuta, kien għal darb’oħra MORATA li għamilhom 4-0. Bologna naqqsu l-iskor fil-85 minuta permezz ta’ RICCARDO ORSOLINI.
Napoli kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Verona u b’hekk se jilgħabu fil-UEFA Europa League fl-istaġun li ġej. AMIR RRAHMANI tefa’ lil Napoli fil-vantaġġ fil-61 minuta iżda tmien minuti wara kien MARCO DAVIDE FARAONI li ġab l-iskor indaqs għal Verona.
Fl-aħħar partita tal-istaġun u dik li ngħataw it-trofew tas-Serie A, Inter għelbu lil Udinese 5-1, f’partita li kienet ċelebrazzjoni ta’ staġun mill-aqwa fejn rebħu l-kampjonat wara 11-il sena. Inter feħtu l-iskor wara tmien minuti permezz ta’ ASHLEY YOUNG, biex CHRISTIAN ERIKSEN fl-44 minuta għamilhom 2-0. LAUTARO MARTINEZ għamel l-iskor 3-0 permezz ta’ penalty, biex IVAN PERISIC fl-64 minuta għamilhom 4-0. L-attakkant ROMELU LUKAKU għamilhom 5-0 fil-71 minuta qabel ma’ ROBERTO PEREYRA naqqas l-iskor permezz ta’ penalty.
SERIE A
Ilbieraħ: Crotone v Fiorentina 0-0, Sampdoria v Parma 3-0, Cagliari v Genoa 0-1 Illum: Inter v Udinese 5-1, Atalanta v Milan 0-2, Bologna v Juventus 1-4, Napoli v Verona 1-1, Sassuolo v Lazio 2-0, Spezia v Roma 2-2, Torino v Benevento 1-1