Lokali

Miljuni sparpaljati mill-Gvern fir-Ranges Nazzjonali tal-Isparar f’Ta’ Kandja li huma abbandunati u fi stat ta’ telqa

It-tiraturi Maltin huma diżappuntati għall-aħħar li l-Gvern daħak bihom bl-aktar mod sfaċċat… wigħedhom faċilitajiet ta’ livell internazzjonali… iżda falla bl-ikrah f’kull sens.

Tiraturi Maltin huma għalkollox diżappuntati u rrabjati għall-Gvern li abbanduna r-Ranges Nazzjonali tal-Isparar f’Ta’ Kandja tant li llum jinsabu litteralment fi stat ta’ miżerja u telqa.

Fil-jiem li għaddew tiraturi ġew fl-uffiċċju ta’ Il-mument u tkellmu magħna fit-tul dwar flok mhu qed ikollhom is-sodisfazzjon li jitħarrġu fil-faċilitajiet tar-Ranges Nazzjonali tal-Isparar f’Ta’ Kandja, qiegħed ikollhom imorru fir-Ranges tal-Bidnija biex jipprattikaw dan l-isport favorit tagħhom.

Dan kollu wara li l-Gvern preżenti kien bena dawn il-faċilitajiet f’Ta’ Kandja u inawgurahom f’Ġunju ta’ tliet snin ilu iżda minkejja d-diversi miljuni minfuqa, illum dawn id-dilettanti qed jesperjenzaw telqa u diżinteress qawwi mill-Gvern.

Is-settur tal-isport illum jaqa’ direttament taħt il-Ministru Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima… tal-ewwel deskritta mill-isportivi bħala li ma tifhimx fl-isport u b’mod partikulari fid-dixxiplina tal-isparar, u, tat-tieni, tajjeb biss biex jimpjega balla nies mid-distretti elettorali tiegħu f’siti varji fejn hemm id-dixxiplini sportivi, inkluż fir-Ranges Nazzjonali tal-Isparar f’Ta’ Kandja fejn hemm għadd ġmielu ta’ ħaddiema impjegati direttament minn Clifton Grima u bil-faċilitajiet magħluqa, litteralment m’għandhomx x’jagħmlu.

It-tiraturi li tkellmu ma’ Il-mument qalulna li oriġinarjament il-faċilitajiet f’Ta’ Kandja kienu inawgurati għall-Edizzjoni 2018 tat-Tazza tad-Dinja tal-Isparar li kienet tinkludi għadd ta’ dixxiplini ta’ sparar.

Oriġinarjament il-faċilitajiet – li kienu inawgurati b’ħafna pompa – kellhom jinkludu dak kollu meħtieġ u mistenni għall-prattika u t-taħriġ tad-diversi dixxiplini tal-isparar, inkluż l-isparar Olympic Trap u tal-iskeet.

Dwar dawn il-faċilitajiet il-Gvern kien ftaħar li dawn il-faċilitajiet kellhom ikunu ta’ livell internazzjonali, iżda minn meta kienu inawgurati sal-lum litteralment li ma saru l-ebda xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni jew titjib fil-faċilitajiet.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissrulna li wara ftit xhur biss mill-inawguazzjoni tar-Ranges, kienu żviluppaw ħsarat kbar f‘Range Four fejn kienet sbroffat is-sistema tad-drenaġġ u kellu jinqala’ l-konkos… li għadu magħluq sal-ġurnata tal-lum u ma jistax ikun hemm użu minnu mit-tiraturi tal-faċilitajiet f’din ir-Range partikulari.

F’pajjiżna d-dixxiplina sportiva tal-isparar hi popolari ħafna iżda dawn id-dilettanti jistqarru li m’għandhomx fejn jipprattikaw l-isport favorit tagħhom, għajr fil-Bidnija, f’Ħal Far jew f’Ħal Qormi, u hi ħasra li r-Ranges Nazzjonali huma magħluqa biex fihom ma jistgħux anqas isiru kompetizzjonijiet ta’ Air Rifles u Air Pistols.

Jirriżulta fil-fatt li t-tiraturi Maltin li fil-jiem li għaddew marru jirrappreżentaw lil Malta fit-Tazza tad-Dinja tal-Isparar li saret f’Lonato, fl-Italja, kellhom mingħajr ma jridu jerġgħu jużaw ir-ranges tal-Bidnija biex jipprattikaw fihom.

It-tiraturi li tkellmu ma’ Il-mument kellhom kliem iebes b’mod partikulari fil-konfront ta’ Luciano Busuttil li jmexxi Sports Malta li ddeskrivewh, bi kritika, bħala persuna oħra inkompetenti għall-aħħar.

“Għaliex hi tassew ħasra kbira li dawn ir-Ranges Nazzjonali saru bi spiża enormi ta’ €16-il miljun – wisq aktar minn kemm kien maħsub u min jaf kemm kien hemm min qabillu – u issa dawn il-faċilitajiet huma litteralment abbandunati,” qalilna wieħed mit-tiraturi.

Hu żied li diġà kien hemm ħafna immajiet fil-mod kif inbnew dawn ir-Ranges Nazzjonali, fosthomg għall-fatt li dawn ma sarux b’mod kompatibbli mal-kundizzjonijiet tar-riħ li jagħmel fuq il-gżejjer Maltin. Flok kellhom isiru t-tined, kellu jsir aktar tħaffir fil-fond biex it-tiratur jevita kemm jista’ l-problema tal-irjiħat.

Hu qal li minħabba ċertu kundizzjonijiet ta’ riħ, il-prattika tal-isparar f’dawn ir-Ranges Nazzjonali ma jkunx jista’ jsir. “Aħna minn dejjem għedna li meta l-kuntrattur kien qiegħed jagħmel ċertu radam, dan kien qed isir mingħajr ħsieb sempliċiment għaliex dakinhar ma kienx hemm fejn il-kuntratturi setgħu jitfgħu r-radam li kien ikollhom. F’dak ir-rigward biss saru ħafna abbużi li swew lill-poplu flejjes kbar. Min tassew jifhem jgħidlek li dawn ir-Ranges qatt ma kellhom jintradmu għaliex hemmhekk kien hemm barriera.

Kieku semgħu minn ċerti nies ta’ esperjenza, kienu jevitaw l-ispiża tat-tined li tilqa’ miċ-ċomb, u kienet tkun evitata l-problema tal-irjiħat.”

Huma komplew jilmentaw li l-faċilitajiet anqas għandhom servizz ta’ kafetterija fejn it-tiraturi jkunu jistgħu jieħdu xi ħaġa.

“Nikkonferma li meta nfetħu r-Ranges kienu krew container biex it-tiraturi kien ikollhom fejn jistkennu… naturalment wara li jkunu ħadu l-ikel u x’jixorbu mid-dar!”

Is-sorsi ta’ Il-mument qalu li ma jagħmilx sens li l-Gvern jagħmel pressjoni kbira fuq it-tiraturi Maltin biex iġibu l-unuri lejn Malta, iżda mbagħad ma jipprovdilhomx fejn jittrenjaw. “Hi ħasra wkoll li l-President attwali tal-Federazzjoni konċernata ma jiftaħx ħalqu għas-sempliċi raġuni li jaħdem ma’ Transport Malta u allura għandu kunflitt ta’ interess. Mela għandek il-Ministru ma tifhimx ; għandek lis-Segretarju Parlamentari li hu inkompetenti; għandek liċ-Chairman ta’ Sports Malta li wkoll hu diżinteressat… tassew u bil-provi li l-Gvern jiġi jaqa’ u jqum mill-isports.

“Il-Gvern mingħalih li qed isolvi l-problemi tat-tiraturi għaliex jibagħtu jitħarrġu fir-ranges tal-Bidnija. Daħk fil-wiċċ. Jitmejlu bin-nies.”

It-tiraturi komplew jagħmlu riferenza għal dak li Salvu Portelli, Eks President tal-Federazzjonmi Maltija tal-Isparar, kiteb ftit ilu fuq il-mezzi soċjali fejn stqarr li: “Il-bniedem jipproponi iżda Alla jiddisponi. Eżatt tliet snin ilu bħal-lum kien miexi l-proġett tar-Ranges Nazzjonali f’Ta’ Kandja.

“Tliet snin wara, Range minnhom ilha xhur sħaħ magħluq bil-ħsara u ma jistax isir sparar fuqha.

“Issa minħabba li ma saritx il-manuntenzjoni neċessarja, ix-xibka ma tistax tittella’ normali u għalhekk mhux qed isir sparar ġo Ta’ Kandja.

“Quo Vadis !!!

“Progett Nazzjonali li sewa l-miljuni qed jitħalla jitmermer minn min suppost li hu responsabbli mill-Isport!

“SHAME, SHAME, SHAME,

“VERU TAL-MISTĦIJA!”

Ta’ min ifakkar li f’rapport dwar ix-xogħlijiet li kienu saru fuq dawn ir-Ranges Nazzjonali tal-Isparar, l-Awditur Ġenerali kien tkellem b’mod ċar li fir-rigward tal-proġett tax-Shooting Range, f’Ta’ Kandja, is-Siġġiewi, kien hemm nuqqas kbir ta’ immaniġġjar, kif ukoll diversi irregolaritajiet finanzjarji fl-eżekuzzjoni ta’ dan l-istess proġett infrastruttrali sportiv. Jingħad li dawn l-istess irregolaritajiet swew is-simma ta’ €13-il miljun, minflok is-somma li kienet oriġinarjament stmata, ċioè dik ta’ €7 miljun.

Dwar dan id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar kien tkellem fil-Parlament u qal li sal-lum il-Gvern u s-Segretarjat responsabbli, qed jibqgħu siekta jew jipprovaw jiddefendi l-indifensibbli.

Bosta kienu dawk li kienu appellaw lill-Gvern biex ikun trasparenti dwar x’inhi l-verità dwar dan il-proġett sportiv.

“Filwaqt li nirrikonoxxu li dan kien proġett infrastruttrali bżjonnjuż u tajjeb, hi ħasra li f’wieħed mill-ftit proġetti infrastrutturali sportivi li saru minn Marzu tal-2013 ’l hawn mill-Gvern, jeżisti dell ikraħ fuqu ta’ kif saru l-affarijiet u kif kienu sparpaljati l-flus mit-taxxi tagħna lkoll,” kien qal il-Partit Nazzjonalista dwar dak il-proġett.

Kieku l-Gvern hu serju fil-qasam sportiv, u mexa mal-istima oriġinali tiegħu ta’ €7 miljuni biex sar il-proġett tax-Shooting Range, kieku d-differenza, jiġifieri dik ta’ €6 miljun, kienu xorta waħda jintefqu fl-isport iżda fi proġett infrastrutturali ieħor u bżonnjuż għall-isportivi Maltin u Għawdxin.