Jikber it-tħassib diġa’ kbir ta’ għexieren ta’ familji fin-Nadur dwar ir-reġistrazzjoni tal-art hekk kif il-Gvern fil-Parlament matul din il-ġimgħa ħasel idejh dwar il-kwistjoni u m’għamel l-ebda impenn biex tissolva.
Għaddew aktar minn erbatax-il xahar minn meta faqqgħet il-problema kbira ta’ għexieren ta’ familji fin-Nadur li mil-lum għall-għada skoprew problemi kbar fuq ir-reġistrazzjoni tal-art fejn għandhom ir-residenzi u propjetajiet oħrajn fl-istess lokal.
Minkejja l-ħafna paroli – li issa jirriżulta għalkollox fieragħ – il-Prim Ministru Robert Abela jidher biċ-ċar li ħalla lil dawn il-familji abbandunati u mingħajr soluzzjoni dwar din il-kwistjoni. Dawn il-familji li għandhom residenzi u proprjetajiet oħra fin-Nadur l-inqas li kienu jistennew kien li l-Prim Ministru Robert Abela jidħol direttament f’din il-kwistjoni u jagħtihom is-serħan tal-moħħ li dak kollu li ħadmu għalih u akkwistaw tul is-snin mhux se jsirilhom suf.
L-għeruq tal-kwistjoni kollha tikkonċerna lil fondazzjoni lajkali bl-isem ta’ Sant’Antonio delli Navarra li kienet twaqqfet fis-1675 minn Donna Cosmanna Navarra.
Din il-Fondazzjoni kellha bosta propjetajiet f’Għawdex. Dawn il-propjetajiet kienu matul is-snin ġew konċessi b’ċens.
Wara l-mewt ta’ Monsinjur Saverin Bianco, li kien ir-Rettur tal-Fondazzjoni, l-istess Fondazzjoni għamlet snin twal amministrata mill-Kurja Arċiveskovili Maltija. Dan minkejja li Richard Stagno Navarra u warajh il-famlja Stagno Navarra, kienu jikkontendu li kellhom id-dritt li jkunu maħtura bħala r-Rettur ta’ din l-istess Fondazzjoni.
Wara bosta kawżi, il-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta, fl-aħħar aċċettat li tagħti l-kunsens tagħha li ma tibqax tamministra din il-Fondazzjoni hi imma li din il-Fondazzjoni tibda tkun amministrata minn Rettur innominat mill-familja Stagno Navarra li hu l-Avukat Patrick Valentino.
Fil-ftehim bejn il-Kurja Arċiveskovili u l-familja Stagno Navarra, il-Kurja talbet u ngħatat kontribut finanzjarju ta’ ċirka €160,000 li tħallsu kemm mill-familja Stagno Navarra kif ukoll mill-Maġistrat Dennis Montebello u mill-Avukat Carmelo Galea.
Il-kuntratt oriġinarjament kien jagħti d-driitt lill-familja Stagno Navavarra u lil dawn l-individwi biex jifformulaw kumpanija li tagħti ċnus temporanji lil terzi persuni.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalulna li ma hux magħruf kif bosta snin ilu l-Knisja stabbiliet li James Stagno Navarra u ħutu kienu d-dixxendenti effettivi ta’ Donna Cosmanna Navarra li kienet waqqfet il-Fondazzjoni fl-1675.
Minkejja dan il-Knisja aċċettat li taħtar Rettur u li dan ikun innominat mill-familja Stagno Navarra.
Sadattant żviluppi mhux mistennija dwar din il-medda ta’ art seħħew ftit aktar minn sena ilu hekk kif ċirka erbgħin familja residenti fin-Nadur kienu mgħarrfa li darhom mhux tagħhom… u dan tefa’ lil dawn il-familji f’baħar ta’ inkwiet.
Irriżulta wkoll li r-Reġistru tal-Artijiet f’Għawdex kien daħal f’biċċa inkwiet mhux żgħira wara li biċċtejn art ta’ madwar tmintax-il metru kwadru fin-Nadur ġew irregistrati mill-werrieta tal-Fondazzjoni Sant Antonio delli Navarra bħala propjetà tagħhom.
Dan l-iżvilupp kompla kabbar il-baħar ta’ inkwiet għal dawn il-familji li għandhom djarhom fuq dawn l-artijiet u li qatt m’għaddielhom minn rashom dan il-polgromm li ddaħħlu fih.
Il-werrieta qed jgħidu li għandhom titlu fuq l-art bis-saħħa ta’ dokumenti tas-Seklu Sbatax u li huma fix-xhur li għaddew ippreżentaw lir-Reġistru tal-Artijiet.
Wara dawn ix-xhur kollha f’għama totali – anzi abbandunati mill-Istat – dawn il-familji huma mweġġgħa kif il-Prim Ministru Robert Abela ma intervjeniex biex iserrħilhom rashom. L-istess familji huma wkoll iddispjaċuti li saħansitra t-tliet Ministri Laburisti Għawdxin – Clint Camilleri, Anton Refalo u Justyne Caruana – litteralment m’għamlu xejn biex għenuhom.
Sadattant matul din il-ġimgħa din il-kwistjoni qamet ukoll fil-Parlament fejn diversi Deputati Nazzjonalisti tkellmu b’ton aħrax kontra l-indifferenza tal-Gvern fil-konfront ta’ din il-kwistjoni ferm delikata li qed tħasseb lil tant familji fin-Nadur.
Din il-gazzetta, Il-mument, dwar din il-kwistjoni ħadet il-kummenti tad-Deputati Nazzjonalisti Adrian Delia, Beppe Fenech Adami, Chris Said, Joe Ellis u Kevin Cutajar, li fis-sustanza tagħhom qablu li dak li qed iseħħ fin-Nadur bir-reġistrazzjoni ta’ artijiet kbar b’kuntratti ta’ 300 sena ilu hu serq iżda l-Gvern ma jridx jinvestiga.
Huma qalu li minkejja li Robert Abela, aktar minn sena ilu, wiegħed li l-Gvern immexxi minnu kien se jindirizza l-problema u s-sitwazzjoni serja li sabu ruħhom fiha għadd ta’ familji fin-Nadur li spiċċaw mingħajr titolu u serħan il-moħħ dwar il-propjetà privata tagħhom, l-uniku ħaġa li kien kapaċi joħroġ biha l-Gern Laburista kienet li possibbilment li dawn il-familji se jkollhom jiftħu kawżi fil-Qrati biex jissalvagwardaw il-propjetà tagħhom.
Id-Deputati Nazzjonalisti enfasizzaw ma’ Il-mument li l-uniku ħaġa li l-Gvern qed jipproponi biex jindirizza din il-problema serja hi li l-Gvern jiftaħ kawża kontra r-Reġistru tal-Artiijiet li għalih hu, u hu stess, hu responsabbi!
Esperti legali li tkellem magħhom Il-mument fissru kif “din il-miżura tal-Gvern tqajjem kwistjonijiet kostituzzjonali fejn issa wasalna fl-assurd, fejn l-Avukat tal-Istat se jkun kostrett jiftaħ kawża kontra entità tiegħu stess. Dan meta l-Gvern hu mistenni minnu li jiddefendi l-entitajiet tiegħu u mhux li jiftaħ kawżi fil-konfront tagħhom.”
Il-mument tkellem ma’ diversi familji fin-Nadur u wħud minnhom fissrulna kif ilhom jgħixu fid-dar fejn joqogħdu għall-ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni u wħud minnhom għal aktar minn mitt sena.
Huma spjegaw li din is-sitwazzjoni ħolqot fihom tensjoni kbira in vista li ma jafux fejn qegħdin u “ġew u serqulna dak li ħdimna għaliha tul ħajjitna kollha.”
L-istess esperti legali kkonfermaw magħna li l-Gvern ħala sena sħiħa bil-konsegwenza li flok solva l-problema, issa “bis-soluzzjoni li ppropona” ħoloq aktar inċertezza fost il-familji konċernati.
Kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li lura meta faqqgħet il-kwistjoni kien iltaqa’ man-Nadurin u assigurawhom li Gvern Nazzjonalista ġdid immexxi minnu kien se jindirizza din il-problema billi b’mod immedjat hu jaċċerta li din l-inġustizzja li seħħet tkun riżolta b’bidliet effettivi, anki jekk hemm bżonn b’investigazzjoni serja dwar kif seħħew il-fatti li wasslu għal din is-sitwazzjoni ferm diffiċli.
“Ma jagħmilx sens li minħabba l-ineffiċjenza u n-nuqqas ta’ impenn minn naħa tal-Gvern, għandna sitwazzjoji fejn ħafna familji spiċċaw fi stat fejn tilfu dak li ħadmu għalih tul għomorhom kollu. Din hi inġustizzja li aħna kommessi nindirizzaw.
“Is-soluzzjoni li qed jipproponi l-Gvern mhi soluzzjoni xejn għaliex fil-verità se tkompli tikkumplika s-sitwazzjoni u żgur li l-kwistjoni finalment se jkollha tispiċċa quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.”
Id-Deputati Nazzjonalisti enfasizzaw li jekk il-Gvern se jibqa’ jwebbes rasu fit-triq li qabad, flok din il-kwistjoni se tirrisolvi ruħha, il-kwistjoni se tkompli tikkomplika lilha nnifisha u dawn il-familji se jibqgħu f’baħar ta’ inkwiet.
Dwar din il-kwistjoni qed jieħu sehem attiv ukoll il-Kunsill Lokali tan-Nadur tant li s-Sindku Edward Said ikkoordina ħidma biex inġabru l-firem tar-residenti biex titressaq petizzjoni lill-awtoritajiet ħalli jinvestigaw kif partijiet kbar ta’ art fin-Nadur u fil-Qala, daħlu f’żona ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet u kienu rreġistrati minn terzi persuni.
Edward Said jenfasizza li għandhom isiru l-investigazzjonijiet li hemm bżonn biex ikun stabbilit jekk dawn il-proċeduri kenux saru kif suppost, u dawn il-kuntratti ta’ żminijiet antiki kif fil-verità għandhom jaffettwaw lir-residenti, li dawn investew kull ma għandhom biex ikollhom il-familja tagħhom toqgħod fiċ-ċentru tan-Nadur.
Sadattant matul din il-ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela kellu fil-Parlament l-opportunità li jitkellem dwar din il-kwistjoni taħraq, iżda minkejja l-pressjoni kbira li saret mill-Oppożizzjoni dwar l-iskandlu tar-reġistrazzjoni ta’ meded kbar ta’ art fin-Nadur fuq kuntratti ta’ 400 sena ilu, il-Gvern injora din il-kwistjoni u għażel li ma jitkellem xejn dwarha.
Is-skiet tal-Gvern dwar kwistjoni taħraq bħal din u li taffettwa għexieren ta’ familji Għawdxin ma hix spjegabbli u tkompli tkabbar l-inkwiet ta’ dawn il-familji.
Dawn il-familji jemmnu bis-sħiħ li hu għalkollox suspettuż u inspjegabbli kif ir-Reġistratur tal-Artijiet ħareġ iċ-ċertifikazzjoni ta’ artijiet fin-Nadur favur Fondazzjoni u hekk tefa’ lil għadd ta’ familji f’baħar ta’ inkwiet. Dan qed joħloq tensjoni u inkwiet kbir fost is-sidien ta‘ dawn il-propjetajiet fin-Nadur li issa ġew skoperti fuq il-propjetà li huma wirtu u xtraw.
Dawn il-familji matul il-jiem li għaddew stennew li l-Gvern joħroġ b’numru ta’ soluzzjonijiet għal din il-problema serja, iżda minflok il-Prim Ministru Robert Abela għażel li lil dawn ir-residenti joffrilhom biss is-soluzzjoni li jmorru l-Qorti, filwaqt li l-Avukat tal-Istat jiftaħ kawża kontra r-Reġistratur tal-Aritjiet; li ma tfisser xejn għajr kawża mill-Gvern kontra l-Gvern!
//= $special ?>