Il-Prim Ministru Robert Abela injora għal kollox l-akkużi serjissimi li qed jaffaċja l-Ministru Carmelo Abela – l-istess Ministru li jaħdem fl-uffiċċju ħdejh f’Kastilja.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, Carmelo Abela kien interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-isparatura u l-attentat ta’ serq fuq il-bank HSBC fl-2010. Iżda quddiem dan l-izvilupp importanti…Robert Abela baqa’ joħroġ għonqu għall-Ministru tiegħu. Anzi, il-Ħadd filgħodu….fil-messaġġ politiku li wassal…reġa’ ftaħar bil-kunċett ta’ Moviment illi kien sawwar Joseph Muscat, u li Carmelo Abela għadu parti integrali minnu.
Intervistat fil-Barrakka ta’ Fuq il-Ħadd filghodu, Robert Abela qatta’ il-ħin kollu tal-attivita politika jattakka lill-Partit Nazzjonalista, u jqabbel il-pandemija mal-kriżi finanzjarja tal-2009.
Robert Abela semma’ l-onesta’, l-importanza li ma jidħak b’hadd, u li ma jħalli lil ħadd waħdu. Iżda imkien ma ta tweġiba għad-diversi domandi li tul l-aħħar xhur bdew jistaqsu s-sidien ta’ barijiet u kazini… mużiċisti, djs u artisti….kif ukoll professjonisti sportivi u sidien tal-gyms li tħallew kompletament weħidhom għal ġimgħat sħaħ.
Fi stqarija l-Partit Nazzjonalista qal li matul l-intervista, il-Prim Ministru kompla jiftaħar u jirkeb fuq is-sistema proposta mill-Partit Nazzjonalista dwar il-vawċers, sistema li kellu jirrikorri għaliha għal darba darbtejn.
Abela semma wkoll ir-riforma fil-liġi tal-kera fejn minkejja l-ftaħir baqa’ ma semma xejn dwar il-fatt li injora l-proposti tal-Partit Nazzjonalista li fihom li kien hemm l-opportunitá li tissolva din il-problema darba għal dejjem.
//= $special ?>